Raġel ta’ 30 sena minn Birżebbuġa iddaħħal l-isptar isofri minn ġrieħi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Fgura.
One.com.mt jinsab informat li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-11.15 a.m. fi Triq San Tumas meta għal xi raġuni r-raġel ntlaqat minn karozza tal-linja misjuqa minn Marokkin ta’ 33 sena minn Marsaxlokk.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-isptar. Il-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa.
Jidher li l-vittma ser jiżżewweġ nhar it-tnejn li ġej.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia, li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
Il-Pulizija tinsab għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ.
Intant fi stqarrija mill-Malta Public Transport intqal li tim responsabbli mill-kumpanija kien fuq il-post immedjatament malli ġara l-każ biex tassisti lill-awtoritajiet f’aktar investigazzjoni u tagħti s-sapport tagħha lil dawk involuti. Qalet ukoll li x-xufier qed jiġi ttrattat minħabba xokk li sofra. Għaddejja wkoll investigazzjoni interna.
7.22pm: Fi stqarrija mill-Malta Public Transport intqal li minn stħarriġ preliminari li sar minn filmati tas-CCTV xejn ma jindika li x-xufier kien distratt fil-ħin tal-inċident u li kien ukoll qed isuq taħt il-limitu tal-veloċità. Il-Kumpanija saħqet li se tkompli tagħti s-sapport u l-assistenza meħtieġa minnha, lill-awtoritajiet.