L-ebda rapport mhu se jwaqqafna milli nagħtu lill-istudenti Għawdxin dak li jistħoqqilhom.
Dan kien il-mod li bih il-Ministru tal-Edukazzjoni rreaġixxa għall-artiklu fuq il-faċċata tan-Nazzjon tas-Sibt bit-titlu “Għalliema bullied u mbikkma mill-Ministru Evarist Bartolo”.
Ir-rapport jitkellem dwar laqgħa f’Għawdex bejn il-Ministru u l-edukaturi, u b’mod esaġerat jirraporta kif fi tmiem il-laqgħa, l-edukaturi ħarġu imbikkma u bid-dmugħ f’għajnejhom.
Il-laqgħa kienet titratta l-iskola medja li kienet se tilqa’ fiha l-iskola Primarja t’Għawdex.
Il-Ministru Bartolo ċċara li f’din il-laqgħa, l-unika ħaġa li għamel kienet li tenna l-impenn tiegħu għall-bini ta’ skola Primarja adekwata u diċenti għat-tfal Għawdxin.
Hija tal-mistħija kif f’ħamsa u għoxrin sena Gvern Nazzjonalista m’għamel xejn biex joħroġ lil dawk it-tfal u għalliema minn skola ta’ aktar minn seklu. Dik l-iskola għandha aktar minn seklu u żgur li llum mhix tajba biex it-tfal imorru fiha.
Il-Ministru rrimarka li Gvern Nazzjonalista mhux biss ma beniex skola ġdida, imma kellu ċans jirranġa skola oħra fil-qalba tar-Rabat u minflok tefa’ applikazzjoni biex jinbena mużew.
Aħna writtna sitwazzjoni redikola fejn seta’ kien hemm bini li seta’ jservi tajjeb ħafna għal skola modernizzata imma Gvern Nazzjonalista la bena skola ġdida u lanqas irranġa skola li seta’ rranġa.
Fuq kollox, il-Ministru tenna li l-ebda artiklu mhu se jnaqqas il-ħidma u l-impenn tal-Gvern milli jagħti dak li t-tfal Għawdxin jixirqilhom.
L-aħjar risposta għall-artiklu esaġerat tal-lum meta niftħu l-iskola Primarja ġdida tar-Rabat Għawdex u nirranġaw l-iskola medja tar-Rabat għax it-tfal ta’ Għawdex jixraqilhom ħafna aħjar milli tahom Gvern Nazzjonalista.