Il-bidla fil-mod kif il-unions qed jindirizzaw rapporti ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol jew online minn kollegi, qed tħeġġeġ aktar ħaddiema jirrappurtaw dawn il-każijiet għax qed tonqos l-inċidenza li jiġu vittimizzati darbtejn, qalet il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli waqt konferenza organizzata mill-GWU u mill-Ewroparlamentari Miriam Dalli, immirata għal shopstewards dwar il-fastidju online u fuq il-post tax-xogħol.Dr Helena Dalli tkellmet dwar il-bżonn li jkun hawn aktar għarfien dwar il-fastidji speċjalment dwar dak li qed jiġri fuq l-internet ħalli l-esperjenzi tal-vittmi jservu għal aktar kuxjenza fuq is-suġġett u aktar nies ifittxu l-ġustizzja.
Il-Ministru Dalli semmiet li l-kummenti li qabel kienu jingħadu wiċċ imb wiċċ illum qed jiġu amplifikati meta jinkitbu online għax aktar faċli li tikteb xi ħaġa meta mhux qed tiffaċċja lill-persuna u dan qed iwassal għal żieda fil-każijiet ta’ fastidju. Fl-istess konferenza kien ikkonfermat mill-esperti li mill-2016 ’l hawn żdiedu l-ammont ta’ rapporti li saru lill-pulizija dwar każijiet ta’ fastidju.
Dr Dalli rreferiet għal bidliet f’diversi liġijiet li qed iżidu l-protezzjoni lill-vittmi. Il-Ministru Dalli qalet li fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Eliminazzjoni tal-Vjolenza Kontra n-Nisa fil-25 ta’ Novembru 2017, il-Gvern nieda strateġija nazzjonali li tindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika. Din l-istrateġija hi l-ewwel qafas nazzjonali li tassigura li l-leġiżlazzjonijiet, il-policies u s-servizzi jindirizzaw il-bżonnijiet tal-vittmi b’mod sħiħ u li jikkonċernaw lis-soċjetà inġenerali. Fil-fatt il-prevenzjoni tal-vjolenza, il-protezzjoni legali tal-vittmi u tax-xhieda, it-tisħiħ tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effiċjenti kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ politiki nazzjonali integrali huma indirizzati f’din l-istrateġija.
Helena Dalli tkellmet ukoll dwar l-abbozz dwar l-ugwaljanza u t-twaqqif tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza. Qalet li aktar ma nressqu l-abbozzi ’l quddiem, aktar nies jistgħu jkollhom protezzjoni minn liġi bbażata fuq il-Prinċipji ta’ Pariġi u allura jkollna kummissjoni awtonoma li l-ebda gvern ma jkun jista jindaħlilha mhux l-inqas għax il-kummissarju jkun maħtur minn żewġ terzi tal-kamra.
Dr Dalli tenniet li l-Gvern hu kommess li jara li l-avvanzi u l-iżviluppi li ntlaħqu jkomplu jissaħħu biex, speċjalment f’dawn il-każijiet, in-nisa u l-bniet ikunu tassew ħielsa mill-vjolenza u mill-fastidju. Hekk tfisser fil-prattika l-ugwaljanza fis-soċjetà tagħna.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Dr Miriam Dalli qalet li jeħtieġ immorru lil hinn minn liġijiet u minn infurzar b’saħħtu u jkollna policies effettivi u taħriġ anke fuq il-post tax-xogħol biex l-impjegati jkollhom biżżejjed għarfien dwar kif jindirizzaw każijiet ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol.
Dr Dalli saħqet li t-taħriġ irid ikun indirizzat mhux biss lejn min iħaddem imma lejn l-impjegati kollha. “It-taħriġ flimkien ma’ politika effettiva jsarrfu biex indaħħlu mentalità u kultura fuq il-post tax-xogħol li fastidju ta’ kull tip, inkluż dak online, mhux aċċettabbli”, qalet Miriam Dalli.
Waqt il-konferenza, ix-shopstewards ingħataw taħriġ dwar kif għandhom jindirizzaw każijiet ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol.