Din il-ġimgħa twieldu ħamest itrabi fl-Isptar Mater Dei permezz taċ-ċikli tal-IVF; biex bit-twelid ta’ żewġ pari ta’ tewmin u tarbija oħra, tliet nisa saru ommijiet.
Ma’ ONE News, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, qal li ma’ dawn, tliet ommijiet oħra li bħalhom għamlu ċ-ċiklu tal-IVF f’Lulju, qed jistennew tarbija fil-jiem li ġejjin.
Fearne qal li “Dawn huma trabi li twieldu miċ-ċiklu tal-IVF li għamilna f’Lulju tas-sena l-oħra. F’dak iċ-ċiklu, kien hemm 32 koppja, 32 mara, li għamluh. Minn dawn, sitta ħa jkunu welldu trabi ġodda. Dan ifisser li s-26 koppja l-oħra ma kellhomx l-opportunità li jkollhom tqala u jkollhom tarbija għax l-IVF fuqhom ma ħadimx.”
One News tkellem mat-tabib Paul Sultana li għal bosta snin ħadem fil-qasam tal-IVF. Huwa sostna li r-rata ta’ suċċess f’Malta mhix aċċettabbli. Dan għall-fatt li bil-liġi kif inhi jistgħu jiġu ffertilizzati biss żewġ bajdiet.
Sultana qal li “Għandna rekords uffiċjali mill-embryo protection authority, li r-rata ta’ suċċess tal-aħħar sentejn, ta’ take home baby hija ta’ 21% biss.. din ir-rata assolutatment mhijiex aċċettabbli.. din ir-rata qiegħda hekk minħabba li l-liġi tippermetti li jiġu ffriżati biss żewġ bajdiet.”
It-tabib Sultana qal li bl-emendi li qed jipproponi l-Gvern u li qed jiġu diskussi fil-Parlament, aktar koppji se jingħataw opportunità li jsiru ġenituri.
Sostna li “Issa għallinqas se tiġi tranġata.. issa minflok tnejn se jħalluna nużaw tlieta, l-ewwel darba.. u t-tieni darba nużaw ħamsa.. bil-konsegwenza li jekk ikollok ħamsa embryos, u jkollok tnejn tajbin, dawn tpoġġihom fil-ġuf, u l-kumplament iż-żejda, rridu niffriżawhom.”
Hu żied jgħid li l-kwistjoni kollha ddur mal-iffriżar tal-embrijuni, hekk kif id-dritt li jintużaw iktar bajd, hemm iktar lok li dawn jiġu ffriżati. Saħansitra qal li l-iffriżar huwa neċessarju, biex l-embrijuni ma jitpoġġewx kollha fil-mara, minħabba li din jaf toħloq kumplikazzjonijiet għal mara nnifisha.
B’kollox minn kemm ilu jingħata dan is-servizz, twieldu mija u erbgħa u għoxrin ħajja.