Wara spekulazzjoni li saret fuq il-mezzi tax-xandir fil-konfront tal-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona, il-Ministru jikkonferma li lbieraħ għamel kuntatt mal-pulizija eżekuttiva u offra d-disponibbiltà tiegħu lill-awtoritajiet biex jiċċara l-allegazjonijiet in kwistjoni.
Dalgħodu, min jheddu, il-Ministru ta stqarrija lill-Ispettur Keith Arnaud, l-uffiċjal prosekutur fil-proċeduri kriminali kontra t-tliet suspettati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Ministru ċċara s-segwenti:
- B’referenza għall-intervista mxandra, il-Ministru kategorikament jiċħad li kien fil-bar nhar il-Ħadd 3 ta’ Diċembru 2017, ġurnata qabel seħħ l-arrest tal-persuni akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
- Il-Ministru jiċħad li qatt kellu laqgħa mal-akkużati u wisq anqas ftiehem mal-akkużati biex jiltaqgħu.
- Spjega li hu ġieli kien fil-bar in kwistjoni s-Sibt jew il-Ħadd, meta jkun hemm il-partiti tal-football li jintwerew fuq it-televiżjoni u ilu jagħmel dan diversi snin, inkluż qabel ma kien ministru.
- Irrijafferma dak li qal fl-aħħar sigħat f’kummenti mal-ġurnal Times of Malta fejn irrisponda fin-negattiv meta kien mistoqsi jekk qatt kien magħhom fil-bar.
- Saħaq li ma jeskludix il-possibilità li seta’ kien hemm xi wieħed mis-suspettati fl-istess ħin, bl-istess mod kif ma jeskludix li kien hemm diversi persuni oħrajn inklużi esponenti politiċi mill-Partit Nazzjonalista.
Dr Cardona qal, “Ta’ min ifakkar li l-allegat xhud f’dan il-każ ġie introdott mal-membri tal-media minn uffiċjal għoli tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista”.