Żagħżugħ ta’ dsatax-il sena minn San Ġiljan tilef ħajtu f’inċident traġiku bil-mutur.
L-inċident seħħ ilbieraħ tard filgħaxija għall-ħabta tal-għaxra u nofs fi Triq Birkirkara f’San Ġiljan, meta għal xi raġuni, iż-żagħżugħ tilef il-kontroll tal-mutur tat-tip Yamaha T110 li kien qed isuq.
Il-mutur kien immarkat b’logo ta’ ħanut partikolari tal-pizza, u huwa mifhum li ż-żagħżugħ kien jinsab fuq xogħol meta seħħ l-inċident.
Xhud li kien għaddej minn fuq il-post mumenti wara li seħħ l-inċident, innota li mal-art kien hemm ħafna demm, li l-bankina kellha daqqa kbira bl-impatt, u li ż-żarbun u l-crash helmet tal-vittma taru minn fuqu bid-daqqa u nstabu madwar ħamsin metru ’l bogħod minnu.
Il-Pulizija ġiet infurmata bl-inċident minn telefonata li għamlet persuna li kienet f’vettura fl-istess triq u rat lill-ġuvni mal-art.
Fuq il-post marret ambulanza b’tim mediku mill-Isptar Mater Dei, iżda sfortunatament, it-tabib iċċertifikah mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta li appuntat, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.