Transport Malta ser tibda l-aħħar xogħol t’asfaltar tal-proġett ta’ bini mill-ġdid tar-roundabout biswit id-dar tal-anzjani San Vinċenz de Paule, fit-triq ewlenija li minn Ħal Luqa twassal għal Ħal Qormi.
Ix-xogħlijiet ser isiru llejla u għada billejl u bejn nhar il-Ħadd 22 sal-Erbgħa 25 t’April. Partijiet minn dawn it-toroq biswit l-istess roundabout ser ikunu magħluqa għat-traffiku f’dawn il-ġranet bejn is-7.00 ta’ filgħaxija u l-5.00 ta’ filgħodu.
Il-ħidma f’din ir-roundabout f’Ħal Luqa, li tgħaqqad Triq Ħal Qormi, Triq Ħal Farruġ, Triq l-Ingiered u Triq Ħal Luqa, tinkludi tfassil aħjar tar-roundabout sabiex jonqos id-dewmien fl-ivvjaġġar, waqt li jitbaxxa wkoll ir-riskju ta’ aċċidenti. Ser jiżdiedu l-approach lanes li jwasslu għall-istess roundabout, waqt li jinbnew żewġ bypass lanes ġodda li permezz tagħhom tkun tista’ tgħaddi minn Triq Ħal Qormi lejn Triq L-Ingiered u minn Triq Ħal Luqa lejn Triq Ħal Farruġ mingħajr ma tuża l-istess roundabout.
Transport Malta tħeġġeġ lis-sewwieqa biex isibu toroq alternattivi, isegwu l-istruzzjonijiet tal-uffiċjali fuq il-post u jsuqu b’attenzjoni.