Il-President Amerikan Donald Trump waqt konferenza stampa irrimarka li jekk id-diskussjonijiet pjanati li kellu skedati ma’ Kim Jon-un, il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, ma jkunux produttivi, dan lest li jitlaq il-barra. Flimkien mal Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe, Trump irrimarka li għandu jkun hemm pressjoni massima fuq il-Korea ta’ Fuq rigward diżarm nukleari.
Iktar kmieni Trump ikkonferma wkoll li id-Direttur tac-CIA Mike Pompeo kellu laqgħa sigrieta ġewwa l-Korea ta’ Fuq sabiex jiltaqa’ mas-Sur Kim. Din il-laqgħa seħħet wara li Pompeo ġie nnominat minn Trump biex ikun is-segretarju tal-istat il-ġdid. Kompla jgħid li Pompeo kellu relazzjoni tajba ma’ Kim u li laqgħa marret tajjeb ħafna. Din iż-żjara hija l-iktar żjara ta’ kuntatt għoli li qatt kien hemm bejn L-Amerka u l-Korea ta’ Fuq mis-sena elfejn.
Nhar il-Ħamis li għadda, il-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in saħaq li l-Korea ta’ fuq tinsab lesta li twaqqaf totalment l-attakki nukleari. Infatti, President Trump kompla jgħid li kieku kien jaħseb li din il-laqgħa mhux ha tkun ta’ suċċess, ma kienx immur kif ukoll jekk waqt il-laqgħa kien jinduna li din mhux qed tkun produttiva, kien jitlaq. Dan għaliex, għandu jkun hemm pressjoni kontinwa sabiex ikun assigurat li l-Korea ta’ Fuq qed tagħmel dan. Żied jgħid ukoll li meta tasal din il-ġurnata, minbarra li tkun ġurnata tajba għall-pajjiż, tkun ukoll ġurnata pożittiva għad-dinja kollha.
Waqt din il-laqgħa ġew diskussi wkoll suġġetti oħra fostha dak tal-kummerċ fejn Trump saħaq li l-Amerka tibqa’ tirreżisti li tidħol fis-Sbuħija tat-Trans Paċifiku sakemm il-Ġappun u l-pajjiżi l-oħra kkonċernati joffrulu għażla li ma jkun jista’ jirrifjuta. Minn-naħa tiegħu, l-Prim Ministru Abe ħeġġeġ lil-Trump sabiex jgħin fil-ħelsien ta’ dawk iċ-ċittadini Ġappuniżi li kienu maħtufa mill-Korea ta’ Fuq fis-snin sebgħin u tmenin.
Rigward il-laqgħa skedata bejn Trump u Kim, il-President Amerikan kompla jgħid li din ħa ssir lejn Ġunju u li l-post ta’ din il-laqgħa għad irid jiġi diskuss.