l-Pulizija ddikjarat li qatt ma kellha xi tip ta’ informazzjoni li x’imkien f’Malta kienet qed tinħadem bomba qabel ma seħħ il-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galiza.
Fi stqarrija b’reazzjoni għal artiklu ppubblikat fil-midja, il-Pulizija qalet li artiklu kien miżgħud bl-inezatezzi u l-ispekulazzjonjiet.Sostniet li kien biss wara li seħħ id-delitt u wara li fil-ġimgħat ta’ wara saru l-analiżi ta’ diversi apparat teknoloġiku li tqajjem suspett li f’garaxx f’Ħaż-Żebbuġ seta’ kien hemm xi evidenza marbuta mal-każ.
Saħqet li mix-xhieda li fil-Qorti, imkien ma intqal u mkien ma rriżulta li l-mowbajl tal-imputat George Degiorgio kien qed ikun f’garaxx f’Ħaż-Żebbuġ.
Qal li l-mowbajls tal-imputati ma nstabux kollha fil-baħar kif ġie rrappurtat u li fix-xhieda li tellgħet il-prosekuzzjoni hemm spjegat eżatt fejn instabu l-mowbajls dakinhar tal-arresti.
Il-pulizija assigurat li kieku b’xi mod hija kellha l-iċken ħjiel dwar attività kriminali li setgħet kienet għaddejja jew qed tiġi ippjanata, kieku kienet tieħu l-miżuri u l-prekawzjonijiet kollha biex tassigura li tali attività ma seħħx, kif dejjem għamlet.