Il-Qorti laqgħat it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest ta’ Steven Azzopardi mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ missieru Peter Azzopardi kmieni t-Tlieta filgħodu fil-Għargħur.
Azzopardi ġie mixli li spara lil missieru Pietru fi Sqaq ix-Xaqquf il-Għargħur stess.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Roderick Spiteri qal li każ seħħ għall-ħabta tad-disgħa u kwart meta l-pulizija ġiet infurmata li seħħet sparatura f’għalqa. Minnufih marru fuq il-post il-pulizija mill-Għassa tan-Naxxar fejn sabu lill-vittma li kien ferut f’għonqu.L-ispettur Spiteri qal li l-pulizija sabet balla mal-art madankollu l-pistola għadha ma nstabitx.
Huwa qal li Stephen ġie arrestat mill-pulizija madwar nofsiegħa wara li seħħ il-kaz wara li niżel lura d-dar bil-karozza pparkjaha fil-garaxx.
Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li jista jkun hemm interferenza fix-xhieda għaliex joqogħdu viċin xulxin.
L-Avukat difensur Franco Debono semma kif dan il-każ jinvolvi storja twila ta’ persekuzzjoni liema azzjoni anke kienet fil-konfront ta’ omm l-akkużat- jiġifieri l-mara tal-allegat vittma;
Id-difiża saħqet li għandu jinħoloq bilanċ għall-ħelsien mill-arrest fuq punti xierqa għall-fatt li wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni li l-missier sofra ġrieħi ħfief.
B’reazzjoni, l-Ispettur Spiteri semma li l-vittma għad għandu l-balla mwaħħla ma’ spallejh u li għadha trid issirlu operazzjoni fejn irid jinqasamlu l-muskolu.
L-Ispettur Roderick Spiteri irrakkonta li mill-investigazzjonijiet irriżulta, li l-allegat vittma Peter Azzopardi kien mhedded għal diversi drabi f’okkażjonijiet differenti. Qal li diżġwid beda jwassal sabiex kullma jmur, l-aggressivita’ bejn l-akkużat u l-vittma kienet dejjem qed tiżdied saħansitra kien hemm theddid ta’ mewt.
Kien għalhekk, li minħabba dan it-theddid fosthom bl-allegat arma tan-nar li ntużat fix-xena fejn seħħet l-allegat sparatura, Peter Azzopardi wasal sabiex ħa diversi deċiżjonijiet kontra l-volonta tiegħu minħabba biża’. Fosthom li jaqleb it-titolu tal-għalqa fejn seħħ l-allegat każ fuq l-akkużat Steven Azzopardi.