Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, għandu jispjega għaliex ftit tal-jiem ilu stqarr li ħallas it-taxxa kollha, tant li qal game over, meta fil-verità dan ma kienx minnu.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista rrimarka li l-ewwel indikazzjoni li l-Kap Nazzjonalista seta’ reġà kien qed iħawwad dehret ċara fil-programm Realtà ta’ nhar it-Tnejn li għadda meta l-għada li qal, u kien irrapportat, li ma kienx hemm iktar kwistjonijiet pendenti, wieġeb li kien baqa’ jħallas xi ħaġa tal-2016.
Iżda l-Partit Laburista nnota li issa għaddew 24 siegħa minn meta kien żvelat li fil-verità jonqsu jħallas is-snin 2013, 2014, 2015, u l-2016. Għad għandu jħallas iktar milli diġa’ ħallas u it-€80,000 li kulħadd kien jaf bihom oriġinarjament saru €120,000.
Li Delia ma kienx jonora l-obbligi ta’ taxxa tiegħu konna diġa’ nafuh. Il-mistoqsija hi: għaliex qed ikompli jħawwad u ma jgħidx il-verità? Interessanti kif ilbieraħ żamm għal kollox sieket dwar is-suġġett; temm jgħid il-Partit Laburista fl-istqarrija.