Il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li kkonvinċa lill-President Amerikan Donald Trump biex ma jattakkax fis-Sirja.
Dan wara li Trump iddikjara li pajjiżu lest biex jerġa’ jattakka f’każ li s-Sirja twettaq xi attakk kimiku ieħor.
Dikjarazzjoni li għamilha sigħat biss wara li s-Sibt, il-qawwiet tal-ajru Amerikani, Ingliżi u Franċiżi, sparaw missili lejn tliet siti fis-Sirja bħala att ta’ ritaljazzjoni għall-allegat attakk kimiku f’Douma l-ġimgħa li għaddiet.
Iż-żewġ mexxejja, li għandhom relazzjoni tajba, kellhom diversi diskussjonijiet qabel ma ħadu l-azzjoni militari s-Sibt.
Iżda minkejja d-dikjarazzjoni ta’ Macron – maħsuba biex isserraħ ras bosta li raw dak li qal Trump bħala theddida għall-paċi dinjija, il-White House qalet li l-missjoni tal-Istati Uniti ma nbidlitx; u rrimarkat li l-President Amerikan għamilha ċara li jrid il-forzi Amerikani – magħmula minn madwar elfejn uffiċjal, ’il barra mis-Sirja kemm jista’ jkun malajr.
Żiedet li l-Istati Uniti huwa determinat li jkisser lil dak li jsejjaħ lilu nnifsu bħala l-grupp tal-Militanti Iżlamiċi, u jipprevjeni milli qatt jirritorna.