Sant Iermu fetaħ il-bibien tiegħu b’xejn għall-pubbliku fl-istess jum li jfakkar l–għotja tal-George Cross lill-Maltin.
L-eluf li żaru l-forti kellhom l-opportunità li jaraw il-wirja inawgurata riċentament dwar il-familja t’artisti Schranz.
Dan filwaqt li kien hemm wirja oħra ta’ dokumenti tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Ttella’ wkoll suq malti għall-artiġġjanat mal-btieħi ta’ Sant Iermu. Il-pubbliku preżenti matul il-ġurnata wkoll kellu l-opportunità li jgħix b’mod ħaj epoki differenti f’pajjiżna permezz ta’ re-enactments minn għadd ta’ gruppi fosthom In Guardia, Show of Arms, Legio X u Battlefront.
Il-Maniġer tas-servizzi tal-visitaturi tal-Heritage Malta, Rachel Caruana qaltilna kif bosta Maltin u turisti ma jitilfux opportunitajiet bħal dawn.
“In-nies qed jirrikorru ħafna. Infatti llum l-‘open day’ hawn ta’ Sant Iermu…kellna konkorrenza tajba ħafna. Sa nofsinhar kellna kważi il-fuq minn elfejn viżitatur li żaru dan il-post.”
Il-viżitaturi setgħu ukoll igawdu l-veduta pittoreska taż-żewġ portijiet li jdawru din il-forti, il-port il-Kbir u l-Port ta’ Marsamxett. Dan filwaqt li l-arkitettura tal-Kavallieri u s-sengħa li biha bnew il-forti tista’ titgawda bl-aqwa mod wara li l-forti ġie irrestawrat fl-elfejn u ħmistax wara snin ta’ negliġenza.