Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk tistaqsi u tappella d-deċiżjoni tal-Awtoritá tal-Ippjanar fuq approvazzjoni tal-permess rigward bini f’Marsaxlokk biswit Barumbara.
Il-Kunsill Lokali ppubblika numru ta’ mistoqsijiet li jistenna risposta għalihom mill-partijiet kollha konċernati. Il-kunsill jixtieq ikompli jaħdem favur il-wirt kulturali tal-lokal sabiex ikun jista’ jitgawda mir-residenti tal-lokal.
L-istess Kunsill ser idaħħal appell quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex iressaq dawn il-mistoqsijiet kollha għat-tweġiba tagħhom u jkompli joġġezzjona għal dan il-permess.
Il-Kunsill Xlukkajr qed isaqsi diversi mistoqsijiet fosthom jekk is-sid tal-applikazzjoni għandux titlu tal-art fejn hu propost il-bini, għala din l-applikazzjoni ġiet imtawwla’ għal aktar minn 30 sena kif ukoll qed jiġi mistoqsi jekk is-saħħa tar-residenti tal-madwar hiex tingħata prijoritá hekk kif il-kunsill isostni li ħdejn il-binja illegali huwa nfestat b’numru ta’ ħamiem mejta u ġrieden.
Min-naħa tagħhom, ir-residenti Xlukkajri jistaqsu fejn spiċċat l-arkata li kienet mibnija madwar l-istess Barumbara u li llum minflokha hemm binja illegali, travu tal-ħadid u bieb tal-garaxx.