Huwa stmat li koppja minn kull ħamsa f’pajjiżna taffaċċja problemi ta’ infertilità.
Dan żvelah il-ġinekologu Max Dingli, li sostna li bl-emendi li se jidħlu mal-liġi eżistenti tal-elfejn u tnax dwar l-IVF, il-koppji li jkollhom bżonn dan it-trattament se tiżdidilhom il-possibiltà ta’ suċċess. Mr Dingli qal li dawn l-emendi ħa jkunu qed jiftħu iżjed il-possibiltà għan-nies li għandhom bżonn jużaw options li m’hemx bħalissa u kif ukoll ħa tkun qed iżżid iċ-ċans ta’ suċċess għal dawk in-nies li qed jgħaddu mill-IVF.
Mr Dingli spjega wkoll li b’dawn l-emendi saħħet l-omm u t-tarbija se tkun aktar salvagwardjata hekk kif il-proċedura ta’ bħalissa qed tagħti lok għal tqala b’aktar minn tlett itrabi. Sostna li f’każi bħal dawn jiżdied iċ-ċans ta’ kumplikazzjonijiet hekk kif it-trabi jitwieldu terz tad-daqs normali.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne saħaq li dawn l-emendi huma neċessarji għaliex il-Gvern irid jissalvagwardja saħħet il-mara u t-trabi u kif ukoll iżid ir-rati ta’ suċċess tal-proċeduri tal-IVF. Saħaq ukoll li kull embrijun iffriżat se ikollu l-opportunità li jiżviluppa f’tarbija. Huwa temm billi reġa sostna li l-embrijuni kollha ħa jingħataw l-opportunita li jiżviluppaw u kull embrijun ħa jkollu l-opportunità li jiżviluppa fi tqala u eventwalment f’tarbija.