Studenta ta’ 15-il sena salvat lil zijuha milli jifga f’demmu waqt id-diżgrazzja li seħħet aktar kmieni din il-ġimgħa fiż-Żurrieq, irrapporta dan is-sit internazzjonali The Sun.
Diżgrazzja li fiha tilfu ħajjithom żewġ persuni u ndarbu 50 persuna f’inċident li kien jinvolvi double decker misjuqa minn ġuvni ta’ 24 sena u li fuqha kien hemm għadd ta’ turisti. Ir-rapport spjega kif fost dawk li ndarbu serjament kien hemm Simon Morrison ta’ 43 sena, li sofra minn ġrieħi serji f’rasu, kiser idu u sofra minn ġrieħi f’għajnejh iżda fortunatament kienet in-neputija tiegħu Kelsey Henderson li salvat lil zijuha hekk kif ħasbet għal solluzzjoni fil-pront.
Il-ħatni ta’ Simon, Michael Henderson, ta’ 43 sena sofra minn ksur fil-kustilji, ġrieħi f’rasu u nuqqas ta’ smigħ u martu Suzie ta’ 39 sena, sofriet minn ksur fil-polz u żewġt iswaba’.
Fortunatament Kelsey u ħuha ta’ 18-il sena ma sofrewx minn ġrieħi gravi, iżda spiċċaw f’nofs id-diżgrazzja mdawrin b’għadd ta’ persuni midruba serjament.
Il-missier ta’ tnejn qed jinżamm f’koma fl-isptar Mater Dei sakemm il-kundizzjoni tiegħu tiġi stabbli. Il-familja tiegħu mistennija tmur lura lejn Aberdeen il-Ħadd li ġej, fejn qed jittamaw li Simon jaqleb għall-aħjar.