Il-Valletta Design Cluster nieda esibizzjoni pubblika dwar il-benefiċċji tad-disinn u l-ippjanar għall-intrapriżi żgħar u medji.
Din l-esibizzjoni ġiet inawgurata waqt laqgħa għall-imsieħba tal-proġett ‘Design4Innovation Interreg’ fl-Ewropa, li qed tkun organizzata f’pajjiżna bejn l-10 u t-12 ta’ April. Valletta 2018, permezz ta’ ‘Valletta Design Cluster’, hija waħda mill-imsieħba ta’ ‘Design4Innovation’, flimkien ma’ seba’ aġenziji oħra fl-Ewropa.
L-esibizzjoni, bl-isem ta’ ‘Design4Innovation in European Regions’, tiffoka fuq il-valur ekonomiku u soċjali kif ukoll fuq il-kapaċitajiet innovattivi li joħloq id-disinn u l-ippjanar f’intrapriżi żgħar u medji.Waqt it-tnedija tal-‘Action Plan for Design-driven Innovation’ fl-2013, il-Kummissjoni Ewropea kienet qalet li kumpaniji li jinvestu fi strateġija ta’ disinn għandhom tendenza li jkollhom profitt akbar u jikbru iżjed malajr. L-esibizzjoni, li hija wkoll parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018, tinkludi numru ta’ eżempji ta’ uħud mill-aqwa proġetti li saru madwar l-Ewropa, li jservu ta’ eżempju ta’ kif id-disinn jista’ jgħin fit-tkabbir għal kumpaniji Maltin.
‘Design4Innovation in European Regions’ se tkun miftuħa għall-pubbliku fil-bitħa tal-Kamra tal-Kummerċ għal Malta bejn is-7 u t-18 ta’ Mejju. L-esibizzjoni se tkun ukoll parti mill-Olimpjadi tar-Robotika f’Malta, fil-padiljun tal-‘Valletta Design Cluster’ bejn l-20 u t-22 ta’ April.
Il-Valletta Design Cluster huwa parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 u wkoll wieħed mill-proġetti kbar tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Għandu l-għan li jipprovdi spazju komunali għar-rikreazzjoni kreattiva u kulturali f’Malta.