Il-mużewijiet Louvre u Orsay jinsabu magħluqa f’Pariġi, u l-biċċiet tal-arti qed jittieħdu postijiet oħra biex ma jilħaqhomx l-ilma. Dan għaliex mistennija jinżlu sa żewġ pulzieri xita f’temp ta’ ftit sigħat.
Għargħar fi Franza u l-Ġermanja ħalla mill-inqas 11-il persuna mejta u eluf oħra evakwati minn djarhom. F’dan tmiem il-ġimgħa mistennija aktar xita miċ-ċentru tal-Ewropa sal-Ukrajna. Bliet fin-nofsinhar tal-Ġermanja u anke l-Polonja ntlaqtu ħażin ħafna.
F’Pariġi, 25,000 persuna tinsab bla dawl. Il-President Franċiż Francoise Hollande qal li dan huwa fenomenu serju li jindika l-isfida globali li qed taffaċja d-dinja fejn tidħol il-klima.