Bħala parti mill-proġett sabiex tiġi studjata u msaħħa l-istabbilità tal-pont antik ta’ Triq il-Mistra, bejn il-Mellieħa u x-Xemxija, Transport Malta ser twettaq diversi xogħlijiet infrastrutturali, illejla u fil-jiem li ġejjin, f’waħda miż-żewġ korsiji li jgħaddu minn fuq din l-istruttura.
Dawn ix-xogħlijiet huma meħtieġa b’mod urġenti sabiex tiġi żgurata l-istabbilità ta’ dan il-pont kif ukoll bi tħejjija għall-investiment sabiex tinbena mill-ġdid it-triq li għaddejja minn fuqu. Din it-triq hija r-rotta ewlenija lejn il-Mellieħa u t-terminal tal-vapuri lejn Għawdex, fiċ-Ċirkewwa. Ix-xogħlijiet ser isiru fil-jiem li ġejjin, waqt li l-karreġġjata fid-direzzjoni mix-Xemxija lejn il-Mellieħa hija diġa` magħluqa minħabba x-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ partijiet ta’ Triq il-Pwales, fix-Xemxija. B’hekk, ser jiġi evitat li t-triq tingħalaq aktar minn darba għal xogħlijiet differenti.
Il-karreġġjata tat-Tramuntana, mix-Xemxija lejn il-Mellieħa, ser tkun magħluqa għat-traffiku mil-lejla sabiex it-testijiet ikunu jistgħu jsiru mingħajr periklu għall-ħaddiema. Din il-karreġġjata diġa` tinsab magħluqa aktar ‘l isfel fl-istess direzzjoni, minħabba x-xogħlijiet fix-Xemxija. Karozzi tal-linja u vetturi oħra kbar ser ikunu jistgħu jivvjaġġaw minn din it-triq fid-direzzjoni lejn il-Mellieħa billi jsegwu d-direzzjonijiet tal-uffiċjali ta’ Transport Malta fuq il-post.
Il-karreġġjata ta’ Triq il-Mistra, lejn in-Nofsinhar, mill-Mellieħa għax-Xemxija, ser tibqa’ miftuħa f’kull ħin. Madankollu, dawk li jkunu qed jivvjaġġaw f’din id-direzzjoni huma mħeġġa jevitaw dewmien billi jużaw waħda minn żewġ rotot alternattivi. Uffiċjali ta’ Transport Malta ser ikunu fuq il-post matul dawn ir-rotot sabiex jgħinu lill-pubbliku kif meħtieġ. Dawk li jkunu qed jivvjaġġaw lejn il-Mellieħa minn San Pawl il-Baħar u x-Xemxija għandhom jużaw ir-rotta alternattiva li mill-bypass ta’ San Pawl il-Baħar tagħti għal Triq Għajn Tuffieħa u t-triq ta’ Limbordin u l-Miżieb. Din it-triq qed tintuża f’din id-direzzjoni biss sakemm jitlestew dawn ix-xogħlijiet fix-Xemxija u l-Mistra. Dawk li jkunu qed jivvjaġġaw miċ-Ċirkewwa, l-Għadira u l-Mellieħa lejn ix-Xemxija u San Pawl il-Baħar, huma mħeġġa jużaw ir-rotta alternattiva minn Triq il-Mellieħa, lejn il-Manikata u Għajn Tuffieħa.