F’emenda mressqa mill-oppożizzjoni għal-liġi tal-istampa, ġiet proposta d-dħul tal-liġi tal-iSlapp f’pajjiżna. Slapp hija rikors strateġiku kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Minnha nnifisha din il-liġi kienet introdotta minn pajjiżi oħrajn biex tnaqqas iċ-ċans li ġurnalisti jiġu mressqa l-qorti f’kawżi frivoli sempliċiment biex il-ġurnalist jiddaħħal fi spejjeż legali żejda.
Espert legali newtrali, Paul Cachia qal kif din il-liġi tkun qed tirristrinġi rikors kontra ġurnalist malti f’ġurisdizzjonijiet barranin.
Cachia qal li l-oppożizzjoni ħadet ideja minn din il-liġi li teżisti barra minn Malta u għamlet proposta fil-forma ta’ private members bill fejn qed tgħid illi jekk ġurnalist xi ħadd jagħmillu kawża għall-malafama barra minn Malta, allura is-sentenza li tingħata mill-qorti barra minn Malta m’għandiex tiġi enforzata f’Malta.”
Din tfisser li l-proposta hija li l-liġi tal-istampa tkun emendata b’tali mod li l-qrati maltin biss ikollhom ġurisdizzjoni li jisimgħu dawn it-tip ta’ kawżi kontra persuni maltin u jekk tingħata sentenza kontra persuni maltin minn qrati barranin, din ma tkunx infurzata f’pajjiżna. Il-gvern huwa kontra din il-proposta għaliex kif spjega Cachia l-liġi Maltija diġa toffri biżżejjed protezzjoni filwaqt li din it-tip ta’ liġi tista’ toħloq problemi mal-ligi ewropea.
Huwa sostna li hemm problema għar-rigward ta’ sentenzi ġejjin mill-Unjoni Ewropeja minħabba l-ordinament ġuridiku tal-Ewropa. Fir-rigward ta’ sentenzi ġejjin minn barra l-unjoni ewropeja jidhirli jiena li hemm diġa hemm qafas legali li jgħati protezzjoni lil persuni maltin li ġew konvenuti kawżi barra minn Malta fejn huma la kienu domiċiljati, la kienu residenti u fejn huma ma ssottomettewx għall-ġurisdizzjoni tal-qorti barranija temm jgħid Cachia.