Żewġ persuni tilfu ħajjithom u għexieren oħra ndarbu – uħud minnhom b’mod gravi, f’inċident li seħħ għall-ħabta tal-erbgħa u kwart ta’ waranofsinhar fuq double-decker fi Triq Valletta fiż-Żurrieq.
Jidher li siġra li tbaxxiet bir-riħ u l-maltemp li qam f’pajjiżna matul il-lejl li għadda, laqtet lill-persuni li kienu fil-parti ta’ fuq tal-vettura tat-tip Dennis Trident li kienet qed tinstaq minn żagħżugħ t’erbgħa u għoxrin sena.
B’kollox fuq id-double-decker kien hemm ħamsa u erbgħin persuna, u sitta u għoxrin minnhom ittieħdu l-Isptar. Dsatax oħra ttieħdu fiċ-ċentri tas-saħħa.
Mill-vittmi kien hemm tlettax li kienu tfal.
Erba’ pazjenti – fosthom żewġt itfal, qegħdin fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, u pazjent ieħor qed jiġi operat.
Il-vittmi kollha nvoluti huma barranin.
Qabel ittieħdu l-Isptar, kien hemm operazzjoni mill-aktar delikata fuq is-saqaf tax-xarabank, fejn iddominat xena b’numru kbir ta’ timijiet mediċi u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Pulizija u tas-Salib l-Aħmar.
Għexieren t’ambulanzi li ssejħu fuq il-post użaw krejnijiet biex iniżżlu lill-vittmi minn fuq ix-xarabank.
L-Isptar Mater Dei avża fuq Facebook biex in-nies jevitaw li jmorru l-Emerġenza bla bżonn, u talab għall-kooperazjoni mal-uffiċjali fit-toroq.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fakkar fil-Helpline tal-Isptar 25454286.
#Zurrieq bus incident: Mater Dei Helpline 2545 4286
— Chris Fearne (@chrisfearne) April 9, 2018