Transport Malta se tkun qed tagħmel aktar xogħlijiet infrastrutturali fit-toroq tan-naħa t’isfel ta’ Malta. Fl-iljieli li ġejjin mistenni jibda xogħol fi Triq l-Ewwel Titjira li Tgħaqqad l-irħula taż-Żurrieq, L-Imqabba, Ħal-Safi, Ħal-Kirkop u l-Qrendi. F’dawn ix-xogħlijiet ser jinqala’ l-wiċċ eżistenti ta’ din it-triq se u tinkesa’ b’saffi ta’ asfalt ġodda.
Dawn ix-xogħlijiet se jkunu qed isiru matul il-lejl, bejn it-Tnejn 9 t’April u nhar il-Ħamis 12 t’April. Matul il-lejl se jkunu qed jingħalqu xi karreġġjati mit-triq madankollu matul il-jum, meta x-xogħol ikun wieqaf, il-korsiji kollha ser jibqgħu aċċessibbli b’mod sħiħ.
Din il-ħidma hija fażi oħra mill-proġett ta’ titjib fil-kwalità u s-sigutà ta’ waħda mill-konnessjonijiet ewlenin bejn iċ-ċentru tal-pajjiż, mill-Ħamrun u Ħal Qormi, għal din iż-żona tan-naħa t’isfel tal-pajjiż. Fix-xhur li għaddew sar bini mill-ġdid ta’ diversi roundabouts fl-inħawi u nfetħu korsiji ġodda fejn sar titjib ta’ diversi toroq arterjali.
Bħalissa jinsab għaddej ukoll xogħol ta’ titjib fir-roundabout ta’ ħdejn ir-Residenza San Vinċenz. Din l-arterja ewlenija qed tiġi ddisinjata mill-ġdid sabiex ikollha b’korsiji ġodda u tiffaċilita l-moviment tat-traffiku.