Is-sezzjoni tal-infurzar tal-Wild Birds Regulation Unit, flimkien mal-Pulizija tal-ALE, wettqu ’l fuq minn 1,300 spezzjoni madwar Malta u Għawdex fl-ewwel ħames t’ijiem tal-istaġun b’xejn anqas minn 47 uffiċjal jagħmlu xogħol ta’ sorveljanza sabiex jassiguraw iż-żamma tal-ordni u ħarsien tal-liġijiet waqt l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa.
Waqt li kienu qiegħdin isiru dawn l-ispezzjonijiet, tneħħew ukoll numru ta’ decoys tal-gamiem peress li dawn mhumiex permessibbli f’dan iż-żmien. L-ALE wettqu wkoll 157 spezzjoni fit-toroq bl-għan illi jiġu vverifikati obbligi legali tal-licenzja speċjali u regolamenti oħra relatati mal-ġarr tal-armi.
Fl-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa li huwa miftuħ bħalissa l-kaċċaturi jistgħu jikaċċjaw biss lis-Summiena hekk kif il-kaċċa fuq il-Gamiema jinsab magħluq. Dan sar hekk kif sentejn ilu l-Gamiema ġiet klassifikata bħala speċi vulnerabbli għalekk id-deroga dwar il-kaċċa sostenibbli ta’ din l-ispeċi tapplika biss għax-xahar ta’ Settembru.