Il-Pulizija Ġermaniża arrestat sitt persuni minħabba allegat pjani sabiex iwettqu attakk terroristiku waqt il-maratona ta’ Berlin tal-Ħadd li ġej. Fi stqarrija l-Pulizija Ġermaniża qalet li s-sitt persuni li għandhom bejn 18 u 21 sena ġew arrestati minħabba li kien hemm indikazzjonijiet li kienu qed jaħmu pjan sabiex iwettqu reat waqt din il-maratona li tattira aktar minn 36,000 ruħ.
Il-ġurnal Ġermaniż Die Welt rraporta li s-suspettat prinċipali kien qed jippjana li jattakka b’sikkina lill-ispettaturi u l-parteċipnti tal-maratona. L-istess ġurnal qal li l-mottiv wara dan il-pjan seta’ kien il-qtil ta’ Anis Amri li fl-2016 kien responsabbli għall-attakk fuq Christmas Market ġewwa Berlin. Huwa kien ħarab mill-Ġermanja wara dan l-attakk u kien maqtul mill-Pulizija Taljana ftit tal-jiem wara.
Ritratt: Anis Amri – Il-moħħ wara l-attakk fuq il-Christmas Market ta’ Berlin fl-2016.