Kienet tassew emozzjoni sabiħa meta lbieraħ l-erba’ statwi tal-erba’ paroċċi tal-Belt Valletta terrqu mat-toroq Beltin għall-ewwel darba fl-istess ħin u għal xi ħinijiet anke flimkien. Dik li kienet deskritta mill-Fondazzjoni Valletta 2018 bħala l-Festa l-Kbira kienet tassew kbira bit-toroq ewlenin tal-Belt Kapitali reġgħu xeddew il-pavaljuni u semgħu n-noti tal-baned li daqqew il-marċi brijużi li fil-ġimgħat li ġejjin ikunu popolari ferm hekk kif tibda ssir festa kull tmiem il-ġimgħa.
In-negozju, li fil-Belt sar b’saħħtu kuljum, gawda minn din l-inizjattiva filwaqt li l-Beltin ħassewhom kburin b’dak li għal darb’oħra reġgħu kienu qed juru lill-pajjiż sħiħ.
Iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-Festa l-Kbira bdew permezz ta’ kunċert li sar il-Ġimgħa filgħaxija fi Pjazza San Ġorġ mis-Soċjetà Filarmonika King’s Own u s-Soċjetà Filarmonika La Valette il-Belt Valletta.
Jason Micallef, Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 qal li “l-Fondazzjoni Valletta 2018 dejjem emmnet li l-kultura hi ta’ kulħadd. Il-missjoni tagħna sa mill-bidu kienet li kulħadd jingħata l-opportunità li jieħu sehem fil-programm kulturali tagħha, mhux biss bħala parteċipant passiv, iżda anke bħala wieħed attiv. Irridu nżidu l-udjenzi imma wkoll il-parteċipazzjoni. Din il-Festa, maħluqa mill-poplu u għall-poplu, hija eżempju ċar tal-impenn tagħna biex il-kultura tkun verament ta’ kulħadd.”
Il-Ministru Owen Bonnici qal li “din hija festa unika ferm għax tiċċelebra l-kultura Maltija u t-tradizzjonijiet Maltin. Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura ttina ċ-ċans li niċċelebraw il-kultura fid-diversi forom tagħha, minn żfin u arti kontemporanja għal tradizzjonijiet Maltin bħall-festi, li kollha jagħmlu parti mill-identità tagħna bħala poplu Malti.”
“Huwa obbligu u dmir tagħna li naħdmu bla waqfien biex nippreservaw il-passat kif ukoll insaħħu l-futur ta’ dan is-settur uniku. Il-kultura hija għal qalb ħafna minna, u għalhekk aħna impenjati biex il-kultura tkun aċċessibbli għal dak li jkun. L-istrateġija tal-Gvern fejn jidħol dan il-qasam hija li jkun hemm kultura inklussiva f’din in-niċċa ekonomika emerġenti li kulma jmur dejjem qed tissaħħaħ u tavvanza,” enfasizza l-Ministru Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li l-Festa l-Kbira hija avveniment għal qalb ħafna għaliex hija okkażjoni fejn il-festa Maltija se tingħata valur Ewropew. “Iżda fuq kollox, hija okkażjoni eċċellenti fejn il-każini, il-komunità Beltija, ir-residenti, id-dilettanti tal-festi, u kull min jagħti sehemu kull sena f’waħda mill-erba’ festi, ingħata spazju fil-programm kulturali ta’ Valletta 2018, fejn l-għaqda hija l-forza,” kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari.
“Dan, bħala Maltin, għandna ngħożżuh, għaliex il-kultura mhi xejn mingħajr il-komunità li tgħixha,” temm jgħid Debattista