Disa’ żgħażagħ- żewġ djakni djoċesani u seba’ reliġjużi ġew ordnati bħala saċerdoti waqt il-quddiesa tal-ordinazzjoni presbiterali li ġiet iċċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-KonKatidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta.
Wara snin twal fin-novizzjat ma’ diversi komunitajiet reliġjużi madwar Malta, dawn id-disa’ żgħażagħ Alan Joseph Adami, Jethro Bajada, Anton D’Amato, Bernard Micalled, Kenneth Micallef, Kurt Mizzi, Elmar Pace, Giovann Tabone kif ukoll Alex Zammit huma ngħaqdu fis-sagrament tal-Ordni Sagri waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-ordinazzjoni presbiterali.
Din il-quddiesa li għaliha kien hemm attendenza numeruża mill-familji u l-qraba ta’ dawn iż-żgħażagħ kellha mumenti uniċi li mhux ta’ wieħed jesperjenzahom f’ċelebrazzjonijiet oħra; dan hekk kif qabel l-omelija, dawn iż-żgħażagħ ġew mgħajta wieħed wieħed u lkoll kemm huma lisnu il-kliem “HAWN JIEN” fejn ftit tal-ħin wara spikka l-mument taċ-ċapċip tal-folla preżenti.
Waqt l-Omelija ppridkata mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, huwa appella lill-dawn iż-żgħażagħ sabiex jimxu fid-dawl tal-Mulej li bħala ragħaj u sid tagħhom ser inaddafhom minn kull dnub:
“Imxu fid-dawl tal-mulej. Ħallu lill-Mulej inaddafkom bid-demm tiegħu minn kull dnub.” – L-Arċisqof Charles J.Scicluna
L-Arċisqof Scicluna qal dawn iż-żgħażagħ ġew magħżula mill-Mulej sabiex iħabbru l-aħbar tiegħu madwar id-dinja kollha. Huwa flimkien ma’ dawk kollha preżenti talab għall-aktar vokazzjonijiet fil-knisja kif ukoll għas-sagrament taż-żwieġ. Hekk kif fi kliem l-Arċisqof, huwa permezz tas-sagrament taż-żwieġ li huwa wieħed nobbli, li l-ordni sagri jkompli jikber- għalhekk wieħed għandu jiċċelebrah b’ferħ kbir.