Fost bosta proġetti mill-Enemalta li se jsaħħu l-affidabilità tas-sistema elettrika f’pajjiżna, miċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni fil-Marsa sa Ħal Qormi ġew mgħoddija 2 kejbils ta’ mija u tnejn u tletin kilo volt.
Dan fi proġett mill-Enemalta b’investiment li diġà laħħaq il-mitt miljun ewro – bil-għan li tissaħħaħ id-distribuzzjoni ta’ elettriku.
L-inġinier responsabbli mill-proġett, Alistair Camilleri spjega kif dawn il-kejbils se jiżdiedu mal-infrastruttura ġdida ta’ kejbils ta’ vultaġġ għoli ta’ iktar minn mitt kilometru, li mill-elfejn u erbatax bdew jintużaw – b’aktar minn mitejn u sittax-il konnessjoni ġdida.Camilleri saħaq li biex jitgħadda kejbil ta’ dak it-tul kien hemm bżonn ta’ proċess twil u preparamenti.
Spjega li “Kien hemm bosta diffikultajiet. Ovjament ridna ngħaddu minn ġol basement ta’ dan l-istazzjon, ridna ngħaddu minn ġo walk through culvert, ninżlu minn ġo xaft vertikali fond xi ħmistax il-metru u mina twila li tiżbokka ġo Ħal Qormi. Jiġifieri r-riskji kienu li waqt il-ġibda jista’ jmur xi ħaġa ħażina kemm fil-kejbil, kemm fil-winches li qed jinġibdu u jistgħu iweġġgħu in-nies.”
Permezz ta’ din is-sistema qed jiżdiedu r-rotot alternattivi għad-distribuzzjoni tal-elettriku, li jkunu utli ħafna f’każ ta’ xi ħsarat jew emerġenzi biex titreġġa’ lura l-provvista tad-dawl.
Dan il-proġett huwa biss parti minn pjan sħiħ li se jkompli jagħmel is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna waħda iktar affidabbli.
Qal li “Ħa nagħmlu estensjoni ta’ distribution centres ġodda. Fosthom hemm id-distribution centre kbira tal-Kappara, ħa nestenduha, qed nestendu Ħal Far d-DC, qed nestendu wkoll.. hemm ħsieb li nestendu Paceville u Marsascala. Jiġifieri dawk kollha ħa jkunu qed itejbu s-servizz għall-konsumaturi tagħhna fil-lokalitajiet fil-viċin.”