Aktar għajnuna finanzjarja lin-negozji żgħar u medji- dan hekk kif ġie ffirmat memorandum of understanding bejn il-Malta Enterprise u l-Bank Malti għall-Iżvilupp.
Tkellimna dwar dan f’aktar dettall mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Mario Galea, li fisser dan il-memorandum of understanding bħala wieħed li ser jgħin lill-istess Malta Enterprise tagħti servizzi aktar wisgħin f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ assistenzza finanzjarja:
Il-Malta Enterprise diġa għandha ammont ta’ skemi ta’ għajnuna finanzjarja pero dawn huma xi ftit limitati- huma limitati mas-setturi tal-manifattura, attivitajiet oħra li huma tradizzjonalment l-industrija ta’ Malta. Permezz ta’ dan il-ftehim nistgħu anke nħarsu lejn financing ta’ progetti oħra- anke dawk li huma ta’ teknoloġija għolja, settur tal-informatika, tal-life sciences, setturi ta’ inġinerija avvanzata.
Apparti li ser ikunu mgħejjuna numru ta’ setturi ġodda, dan il-Memorandum of Understanding ser jikkontribwixxi sabiex jimtela ċertu vojt fis-settur finanzjarju, li skont ic-Chairman tal-Bank Malti għall-Iżvilupp il-Professur Josef Bonnici, kien ilu jinħass:
Il-Malta development bank qiegħed biex jimla ċertu vojt fis-settur finanzjarju li ilu jinħass specjalment ma’ kumpaniji zgħar u innovativi u b’dan il-ftehim ħa nilħqu proċess mal-ME biex inkunu nistgħu nagħtu sosten finanzjarju fejn proġett ikun vijabbli sabiex b’hekk inkunu nistgħu navvanzaw l-ekonomija tagħna aktar il-quddiem.
B’reazzjoni għal dan il-ftehim, kemm il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kif ukoll il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Chris Cardona saħqu li minkejja li pajjiżna jemmen li l-manifattura għandha posta f’Malta, jeħtieġ li jkun hemm aktar diversifikazzjoni sabiex jitnaqqas ir-riskju ekonomiku.
Permezz tal-inċentivi li ser jingħataw grazzi għal dan il-Memorandum of Understanding, ser ikunu mgħejjuna aktar setturi, li jinkludu wkoll it-teknoloġija u l-innovazzjoni, bil-għan li jkomplu jtejbu l-ekonomija ta’ pajjiżna- li bħalissa għaddej b’ritmu tajjeb ħafna.