Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien wieħed mill-kelliema f’avveniment li mmarka t-tnedija ta’ programm ta’ negozju u investiment imfassal mill-Gvern ta’ Queensland bi sħubija mal-belt ta’ Gold Coast fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-logħob tal-Commonwealth.
Waqt din l-attività, kien spjegat li l-logħob tal-Commonwealth huwa meqjus bħala kalamita għal viżitaturi internazzjonali, minn rappreżentanti tal-gvernijiet sa mezzi tax-xandir. Għalhekk, dan l-avveniment sportiv jipprovdi opportunità tajba biex operaturi tan-negozju jesploraw u jibnu rabtiet kummerċjali ġodda madwar il-pajjiżi tal-Commonwealth.
F’messaġġ tal-okkażjoni, Dr Muscat qal li l-logħob sportiv f’Gold Coast qed iġib flimkien lin-nazzjonijiet kollha tal-Commonwealth ftit jiem biss qabel il-mexxejja tal-pajjiżi jiltaqgħu għall-ftuħ taċ-CHOGM f’Londra. Huwa sostna li l-isport huwa parti integrali mill-ħajja, li joħloq l-emozzjoni u jgħaqqad lill-popli.
Il-Prim Ministru sostna wkoll li l-programm Trade 2018, li jgħaqqad flimkien l-isport u n-negozju, huwa importanti biex jinfetħu sinerġiji ġodda fil-qasam tal-investiment, li huwa konformi mal-ħsieb ta’ Malta li tippromwovi lill-kumpaniji tagħha biex jiftħu relazzjonijiet ġodda f’pajjiżi oħra tal-Commonwealth bħall-Kanada.
Għat-tnedija ta’ Trade 2018 kienu preżenti, fost oħrajn, il-Gvernatur Ġenerali tal-Commonwealth fl-Awstralja Peter Cosgrove, il-Premier ta’ Queensland Annastacia Palaszczuk, u s-sindku ta’ Gold Coast Tom Tate.