“Minkejja li Andrew ħalliena, qalbu għadha tħabbat ġo fijja – jien għadni ħajja, grazzi għalih.”
Dan stqarritu Christine Grixti, mara li sa ftit tas-snin ilu ma setgħetx tgħix b’mod normali, minħabba li kellha virus f’qalbha u li kawża tiegħu qalbha ma setgħetx taħdem b’mod normali.
Ma’ One News Christine qalet li ħadet saħħitha lura bis-saħħa ta’ Andrew, żagħżugħ li qabel miet inkiteb fil-lista tad-donatur tal-organi.
Christine qaltilna “Andrew is here, il-qalb ta’ Andrew qiegħda hawnhekk.. jien dejjem ngħidilhom li l-qalb tiegħi mhux qiegħda hawn.” Christine stqarret li l-marda li kellha għal għoxrin sena sħaħ, waqqfitha milli tagħmel ħafna affarjiet. Fosthom li tesprimi l-ħsus tagħha, minħabba li xokk żgħir seta’ jtemmilha ħajjitha ħesrem.
Filfatt, meta f’Ġunju ta’ sentejn ilu rċeviet telefonata mill-Isptar Mater Dei biex f’temp ta’ siegħa tkun l-isptar, minħabba li sabulha qalb, ħasset ammont ta’ xokkijiet li ma felħitx tiċċaqlaq.
Madanakollu, l-operazzjoni saret, u għaddiet b’wiċċ il-ġid. Tant li għadda ż-żmien, u l-ġenituri ta’ Andrew xtaqu jsiru jafu għand min marret qalbu. Minħabba li l-liġi Maltija ma tippermettix li jingħataw l-ismijiet tal-partijiet, kellha tkun ir-riċerka li tlaqqagħhom.
Mument, li hi ddeskrivietu bħala emozzjonanti.
Spjegat li “Minn hawn u minn hemm sirna nafu li riedu jiltaqgħu miegħi, u għadda ftit żmien u ltqajna.. u meta ltqajna ma’ xulxin kienet emozzjoni sabiħa mmens.. għandi familja oħra hemm, għandi emozzjoni sabiħa.. i mean anka l-fatt li raw li l-qalb ta’ Andrew lili tatni kwalità ta’ ħajja aħjar, u affarjiet sempliċi li ma stajtx nagħmel qabel, iżda qed nagħmilhom, u ngħidilhom thanks to Andrew, thanks to Andrew.”
Christine appellat biex ikunu aktar il-Maltin li jirreġistraw bħala donaturi tal-organi. Qalet li m’għandniex inħallu din id-dinja, u nieħdu magħna organi prezzjużi fil-qabar. Ħalfet li taħdem biex tikkonvinċi kemm jista’ jkun nies biex jagħtu dan ir-rigal li jista’ jfisser ħajja jew mewt ta’ persuna.
Christine rrakkontat l-esperjenza tagħha waqt attività li ttellgħet mill-kumpanija Nectar li tħeġġeġ lill-impjegati tagħha jinkitbu bħala donaturi tal-organi. Sejħa li ma waqgħetx fuq widnejn torox, hekk kif ikkonkorrew għaliha bi ħġarhom ħamsa u sebgħin impjegat.
Keith Cassar, li ħa ħsieb l-inizjattiva f’isem Nectar, qal li donatur wieħed kapaċi jsalva sa’ tmien ħajjiet, waqt li jtejjeb il-ħajja ta’ ħamsin persuna oħra.