Charles Buttigieg, żagħżugħ Għawdxi ta’ 18-il sena, intgħażel biex ikompli l-istudji tal-kant f’waħda mill-aqwa skejjel fl-Amerika.
Lura f’Marzu Buttigieg kien jinsab f’Philadelphia fl-Istati Uniti għal audition importanti ħafna mal-Istitut Mużikali Curtis f’Philadelphia. Dan hekk kif din l-audition fissret li hu jkun jista’ jkompli jwettaq il-ħolma tiegħu bħala Baritonu.Charles hu ġuvni ta’ 18-il sena minn Għajnsielem f’Għawdex u li għandu vuċi mill-isbaħ – vuċi klassika ta’ Baritonu.
F’messaġġ fuq Facebook, hu kien irringrazzja lil kull min qed jagħtih l-appoġġ, lill-Maestro Jack Livigni, lill-għalliema tal-kant Juliette Bisazza u lill-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja talli sponsorjawh għal din l-opportunita’ mill-isbaħ.
It-tenur Joseph Calleja kien sostna li Charles għandu vuċi tad-deheb li meta jħares lejh ifakkru ħafna f’meta hu kien għadu ta’ dik l-età.