Sens ta’ sodisfazzjon u kburija fost il-komunità Karmelitana tal-Belt.
Dan hekk kif it-Tnejn filgħaxija ġie inawgurat il-proġett ta’ pavimentar tal-irħam fil-Bażilika tal-Karmnu fil-Belt Valletta.
Bi spiża ta’ kważi nofs miljun ewro, tpoġġa l-irħam minflok il-konkos li kien hemm qabel.
B’hekk ingħatat dehra ferm aktar denja u xierqa lil dan is-Santwarju li minn barra permezz tal-koppla imponenti tiegħu, huwa ikona fil-Belt Valletta.
Ix-xogħol fuq dan il-proġett tant importanti beda f’Settembru li għadda u propju nhar Kristu Re, jiġifieri fis-sitta u għoxrin ta’ Novembru li għadda beda jitpoġġa l-irħam.
Kif spjega tajjeb il-Pirjol Alex Scerri, f’din il-Bażilika sar ħames mija u sittin metru kwadru ta’ irħam u finalment il-proġetti li kien hemm f’din il-Knisja tlestew kollha.
Qabel ġie inawgurat il-proġett, ġiet iċċelebrata quddiesa fil-Knisja tal-Pillar u wara telqet purċissjoni sal-Knisja tal-Karmnu.
Intant, din hija l-unika knisja ovali f’Malta u l-ewwel ġebla għaliha tqiegħdet fl-elf disa’ mija, tmienja u ħamsin.
Filfatt din hija t-tielet knisja mibnija fuq l-istess post, bl-ewwel waħda tmur lura għal żmien il-Kavallieri fuq pjanti ta’ Ġilormu Cassar.
Bil-bombi mitfugħa bla ħniena matul it-tieni gwerra dinjija, l-ordni Karmelitana kienet ħasbet li twaqqa’ dak li għad fadal wara t-tiġrif tal-Knisja u tibni s-Santwarju li hemm illum.