Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu ssospenda ftehim li kien għadu kemm laħaq mal-Ġnus Magħquda dwar immigranti Afrikani li kellhom jingħataw il-permess ta’ residenza f’pajjiżu filwaqt li numru ta’ immigranti oħrajn kellhom jintbagħtu f’pajjiżi mid-dinja tal-Punent.
Ftit sigħat wara li ħabbar li kellu ftehim, waqqaf dan anki minħabba oppożizzjoni li qed jiffaċja saħansitra mill-koalizzjoni tal-Gvern tiegħu.
Netanyahu spjega li huwa se jiltaqa’ mar-residenti tan-nofsinhar ta’ Tel Aviv, fejn bosta immigranti jgħixu.
Il-ftehim li Iżrael laħaq mal-Ġnus Magħquda kellu jieħu post pjan ieħor li kien se jibgħat lura numru kbir ta’ immigranti Afrikani lejn pajjiżhom.
Skont il-ftehim mal-Ġnus Magħquda, ftit aktar minn sittax-il elf Afrikan li daħlu llegalment f’Iżrael, kellhom jintbagħtu f’pajjiżi tal-Punent, fosthom il-Ġermanja, l-Italja u l-Kanada.
Dan filwaqt li kull immigranti ieħor f’Iżrael kellu jingħata dik meqjusa bħala permess temporanju biex jgħix fl-istat Lhudi.