Għadd ta’ proprjetajiet battala li għal snin twal ma setgħux jinbiegħu minħabba nuqqas ta’ qbil bejn il-werrieta setgħu jinbiegħu bis-saħħa ta’ emendi fil-liġi li daħlu fis-seħħ sentejn ilu.
Fil-fatt il-Qorti awtorizzat il-bejgħ ta’ tmienja u erbgħin propjetà li kienu mwaħħla għal bosta snin minħabba nuqqas ta’ qbil bejn is-sidien fl-aħħar sentejn.
Ħabbar dan il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, li ma’ ONE News fakkar fis-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel ma l-Gvern daħħal l-emenda fil-Kodiċi Ċivili.
Qabel l-ewwel t’April tal-elfejn u sittax, proprjetajiet li kienu qed jinżammu milli jinbiegħu minħabba diżgwit familjari, kellhom jistennew għaxar snin; biex mhux biss ma jiħdux l-ishma intitolati lilhom, iżda l-proprjetà li ma tkunx qed tintuża, titħalla fi stat t’abbandun.
Bonnici spjega li “Aħna biddilna dan kollu. Għamilna riforma għaddew sentejn issa fejn dak il-perjodu t’għaxar snin niżżilnih għal tliet snin f’kull każ u allura per eżempju jekk familja tiret u jkun hemm xi ħadd mill-aħwa ma jridx ibigħ kull ma trid tagħmel tistenna tliet snin u tagħmel il-kawża.” Il-ħsieb ewlieni wara din l-emenda ma kienx biss li jitnaqqas b’mod sinifikanti n-numru ta’ proprjetajiet battala f’pajjiżna, iżda wkoll biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-maġġoranza li jkunu jixtiequ jbigħu.
Filfatt, mindu ddaħħlu fis-seħħ dawn l-emendi, fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex ġew ippreżentati aktar minn tmenin rikors; bil-maġġoranza tagħhom solvuti.
Il-Ministru Bonnici qal li “Qed naraw li dan huwa mekkaniżmu fair għax qed indaħħlu l-Qorti fin-nofs u spedit, effiċjenti, li qed jippermetti li min wiret xi ħaġa jkun jista’ jgawdi l-frott tagħha u anki s-soċjeta tgawdi għax ma jkollniex dal-postijiet kollha magħluqin minħabba ġlied fil-familja.”
Biex riżultati bħal dawn jagħtu ċertifikat pożittiv u prova konkreta li l-bidliet u r-riformi li Gvern Laburista qed jimplimenti, verament qed iħallu d-differenza f’ħajjet il-familji Maltin u Għawdxin.