Il-ġid li holoq u u li qed joħloq kulljum dan il-Gvern qed jinħass fil-poplu Malti. Il-pożittività tinħass u hija evidenti li n-nies għandhom fiduċja sħiħa u assoluta f’dan il-Gvern u jirrikonoxxu li għandna Prim Ministru li jrid lil kulħadd jirnexxi. Dan il-Gvern huwa l-għażla naturali tal-Maltin.
Dan il-Gvern mil-ewwel ġurnata tal-mandat tiegħu, wera biċ-ċar li ried iġib riżultati kbar u sbieħ għal pajjiżna. Riżultati li l-effett tagħhom qed igawdi minnhom kulħadd. Pajjiżna sar attrazzjoni kbira għal investituri barranin li qed jaraw li Malta għandha futur sabiħ u futur b’saħħtu u jirikonoxxu li aħna pajjiż ekonomikament b’saħħtu.
Bla dubju kulħadd qiegħed illum jgħix kwalità ta’ ħajja aħjar u dan għaliex ix-xogħol li ħoloq dan il-Gvern f’pajjiżna tinkoraġġik biex tkompli tinvesti u tistinka. Il-poplu Malti għaraf li dan huwa Gvern li għandu pjanijiet konkreti u sodi li qed iwasslu għal aktar u aktar tkabbir ekonomiku. Illum nitkellmu dwar Surplus u mhux defiċit. Dan juri l-għaqal ta’ dan il-Gvern li dak li jgħamel mhux biss qed iħalli l-frott tiegħu illum iżda ser igawdu u jibbenefikaw minnu wkoll il-ġenerazzjoni li jmiss.
Jekk wieħed iħares ftit snin ilu meta kien hemm gvernijiet nazzjonalisti, wieħed jinduna li l-poplu Malti kellu gvern li kien jgħidlu jieħu paċenzja u jerfa’ l-piż miegħu. Il-poplu Malti kellu gvern li jgħolli l-kontijiet tad-dawl u l-ilma bil-qalb, kien jgħamel budgets li jżidu taxxi bil-qalb, kien gvern bla kuxjenza ta’ xejn fejn kien jgħabbi lil poplu b’aktar piżijiet iżda fl-istess ħin kien gvern li kien ta lilu nnifsu €500 żieda fil-ġimgħa. Pajjiżna kellu gvern fejn ma kellu l-ebda intenzjoni li jaħdem għal pajjiż iżda kien gvern li kien jieħu deċiżjonijiet ħżiena u li daħħlu lill-pajjiżna f’defiċit. Kellna gvern li f’pajjiżna ġab kriżi ekonomika fejn il-qgħad sploda u l-impjiegi naqqsu. Kellna gvern li ma kellux idea ta’ tmexxija iżda kien espert fl-arroganza u direct orders lil tal-klikka tad-Dar Ċentrali.
Illum taħt Gvern Laburista l-affarijiet totalment differenti. Illum għandna Gvern li jieħu gost jkattar u jaqsam il-ġid mal Maltin. Gvern li jagħtik u jara kif ser ikompli jtejjeb il-livell ta’ għejxien ta’ kull wieħed u waħda minnha. Illum għandna Gvern li jżomm mal-manifest elettoriali anzi jwettaq iktar milli jkun ippjanat. Illum għandna Gvern li mil-ewwel jiem tiegħu fil-Gvern raħħas drastikament il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u għeleb għal kollox l-isfida tal-mediċini out of stock fejn illum din m’għadniex nisimgħu biha. Gvern li saħansittra raħħas l-prezz tal-mediċini. Dawn huma miżuri li juru kemm dan huwa Gvern tan-nies, li jaf u jħoss dak li għandom bżonn in-nies. Dan huwa Gvern viċin in-nies, Gvern b’deputati, Segretarji Parlamentari u Ministri li huma viċin in-nies. Dan huwa Gvern li għandu Prim Ministru b’viżjoni ċara ħafna għal pajjiżna li qed twassalna biex illum nkunu mhux biss l-aqwa fl-Ewropa iżda l-aqwa fid-dinja.
Qegħdin ngħixu żminijiet sbieħ fejn grazzi għal dan il-Gvern, pajjiżna qiegħed ta’ kulljum joħroġ il-potenzjal tiegħu. Żminijiet li saħansitra, Malta tiklassifika bħala l-pajjiż fejn in-nies huma fost l-aktar kuntenti fid-dinja. Żminijiet fejn l-ikbar sfida hija biex issib nies biex jaħdmu għaliex pajjiżna qed jifjorixxi bix-xogħol. Qegħdin ngħixu żminijiet li għandna nkunu kburin b’dak kollu li qed jgħamel għal pajjiżna dan il-Gvern mmexxi mil-Prim Ministru tagħna Joseph Muscat.
Dan huwa Gvern li jemmen f’kull wieħed u waħda minna. Gvern li jridek tirnexxi u Gvern li ma jħalli lil ħadd warajh iżda dan huwa wkoll Gvern li bil-politika tiegħu jgħaqqadna bħala pajjiż u bħala Maltin.