Il-Qorti tal-Familja bagħtet messaġġ b’saħħtu dwar il-fatt li l-flus tal-familja għandhom ikunu amministrati miż-żewġ partijiet tal-koppja u ebda parti m’għandha taġixxi daqslikieku dawk flusha biss. Dan f’sentenza fejn mara pensjonanta spiċċat tgħaddi b’€60 fil-ġimgħa li minnhom riedet tixtri wkoll il-ħtiġijiet ta’ żewġha.
Il-mara, li waqfet taħdem barra mid-dar, biex tieħu ħsieb il-familja rrakkontat kif tul is-snin kien żewġha li kien jieħu ħsieb il-flus u hi spiċċat kellha tagħtih rendikont ta’ x’kien meħtieġ qabel titolbu l-flus, għax inkella ma kienx jaċċetta.
Ir-raġel iddefenda ruħu quddiem il-Qorti, f’kawża fejn il-mara talbet li ssir taf x’għandhom bħala familja, billi qal li hi qatt ma kienet tinteressa ruħha. Għalkemm hi semmiet kif anke meta ħadmet kien isarrfilha ċ-ċekk tal-paga hu u jagħtiha Lm2 bħala pocket money u Lm10 għall-ħajja fil-ġimgħa. Dan filwaqt li l-kumplament kien iżommu hu.
Kien hawn li l-Qorti għamlet dikjarazzjoni ċara dwar l-immaniġġjar tal-flus. “Dan però ma jfissirx li r-raġel jista’ jamministra l-beni tal-komunjoni daqslikieku martu ma teżistix. Anzi meta wieħed mill-konjugi jkun ħafna iżjed familjari u kompetenti fi kwistjonijiet ta’ finanzi u investimenti mill-parti l-oħra, iżjed jiżdied l-obbligu tiegħu ta’ trasparenza u korrettezza assoluta fil-konfront tal-parti l-oħra,” iddikjara l-Imħallef li preseda l-każ.
F’sentenza ta’ 28 paġna li semgħet diversi xhieda inkluż rappreżentanti ta’ għadd ta’ banek u investimenti li tkellmu dwar x’kellha u x’ma kellhiex il-koppja, bil-mara tibda ssir taf għall-ewwel darba x’kien hemm wara għexieren ta’ snin miżżewġa, il-Qorti ħadet deċiżjoni ċara. Il-ġid tal-koppja nqasam bejn it-tnejn fejn il-Qorti ddeċidiet kif għandhom jinqasmu proprjetajiet u flus b’valur ta’ madwar €700,000. Filwaqt li r-raġel kien ordnat ukoll biex mill-pensjoni tiegħu ma jagħtix iktar €60 fil-ġimgħa iżda jrid jibda jagħti nofsha. Kien biss fejn kien hemm flejjes ġejjin mill-wirt li r-raġel żammhom għalih f’sentenza fejn il-Qorti qalet b’mod ċar li l-mod kif ir-raġel amministra l-assi tal-familja pperikola l-interessi ta’ martu.