Bejn Marzu 2013 u llum, il-Gvern Laburista ħabbar 12-il roħs fil-mediċini, b’total ta’ 196 mediċina jorħsu fil-prezz sa 67%. Fl-aħħar jiem tħabbar l-aħħar roħs minn din is-sensiela meta ngħataw dettalji kif roħsu 23 mediċina sa 40% u li ġew introdotti iktar mediċini ġeneriċi bil-possibilità li l-konsumaturi jistgħu jiffrankaw sa 73%.
Dan sar grazzi għal sinerġija bejn il-Gvern, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, u l-Awtorità dwar il-Mediċini.
Aħbar li żgur se taffettwa il-bwiet ta’ mijiet ta’ konsumaturi li għal darba oħra nżammu fost l-ogħla prijoritajiet tal-Gvern u l-imsemmija Awtoritajiet.
Ilkoll huma kommessi li f’Malta jkollna mediċini aċċessibbli bi prezzijiet raġonevoli mingħajr ma tkun imxekkla l-kwalità, is-sigurtà u l-effikaċja tal-prodotti mediċinali. It-23 mediċina li raħsu din il-ġimgħa jinkludu trattamenti għall-infjammazzjoni, problemi tal-qalb, u dipressjoni. Fl-aħħar ġimgħat, raħas b’€25 ewro wkoll il-vaċċin li jintuża għal prevenzjoni tal-Meninġite Tip B.
“Dan il-Gvern kompla jsaħħaħ l-industrija farmaċewtika f’diversi setturi, inklużi oqsma specjalizzati u avvanzati fosthom medicini tal-kanċer, tant li l-aħbar ta’ din il-ġimgħa ngħatat f’kumpanija li timmanifatura medicini għall-kanċer, kumpanija li hija ċċertifikata mill-Awtorità dwar il-Mediċini. Dan jikkumplimenta l-istrateġija tal-Gvern, li huwa kommess li jagħti l-aqwa servizz lill-pazjenti li qed ibatu minn din il-marda. Dan juri wkoll fiduċja fil-kapaċitajiet li għandna f’Malta,” stqarr is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista.
Naturalment, dan kollu kien possibbli grazzi wkoll għall-impenn li kontinwament juru ż-żewġ awtoritajiet involuti u kumpaniji fis-settur farmaċewtiku, li lkoll iżommu s-saħħa taċ-ċittadini fuq nett tal-lista tal-prijoritajiet tagħhom.
Fost il-mediċini li raħsu f’dawn il-5 snin, wieħed isib:
• Mediċina li hija kimoterapija għall-kanċer fl-imsaren li raħset minn €550 għal €222.64. Il-pazjenti ffrankaw €327.36 (60%);
• Vaċċin li jintuża għal prevenzjoni tal-Meninġite Tip B li raħas minn €165 għal €139.90. Il-pazjenti ffrankaw €25.10 (15%);
• Mediċina li tipprevieni l-formazzjoni ta’ emboli tad-demm li raħset minn €158.60 għal €127.60. Il-pazjenti ffrankaw €31 (20%);
• Mediċina li tintuża għall-osteoporożi li raħset minn €568 għal €425. Il-pazjenti ffrankaw €143 (25%);
• Mediċina li tintuża għall-prostata li raħset minn €29.22 għal €16.45. Il-pazjenti ffrankaw €12.77 (44%).
Kull mediċina hija rreġistrata mal-Awtorità dwar il-Mediċini, jiġifieri għalkemm issa qed jinbiegħu bi prezz imraħħas, huma tal-istess kwalità ta’ mediċini oħra li nsibu fis-suq Ewropew. L-Awtorità issa għandha wkoll l-hekk imsejjaħ Medicines Intelligence and Access Unit, li b’mod proattiv iħares kif il-konsumaturi jistgħu jkomplu jkollhom mediċini aċċessibli u għażla wiesgħa ta’ trattamenti.
L-aċċess għal mediċini affordabbli huwa fundamentali għas-saħħa pubblika u għat-tkabbir ekonomiku, u għalhekk, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur tassigura prezzijiet ġusti tal-mediċini anke fis-settur privat. Il-prezzijiet ta’ referenza esterni huma għodda kruċjali li jużaw Stati Membri tal-Unjoni Ewropea biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-mediċini. Dan huwa eżerċizzju li jistabbilixxi prezzijiet differenti bħala linji gwida għall-prezzijiet tal-prodotti f’pajjiż partikolari. B’dan il-mod, il-Gvern, il-partijiet interessati fl-industrija tal-farmaċewtika, u l-MCCAA (l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur) iqabblu l-prezzijiet domestiċi mal-valur miżjud ta’ 12-il Stat Membru Ewropew ieħor.
Id-drittijiet tal-konsumatur f’dan ir-rigward qed ikun promoss miż-żewġ awtoritajiet, partikolarment, l-aċċess u l-għażla ta’ mediċni ġeneriċi li issa hawn fis-suq. B’hekk, il-pazjenti għandhom aċċess għall-istess trattamenti bi prezz orħos, iżda mingħajr ma tkun kompromessa l-kwalità, is-sigurtà u l-effikaċja tal-prodott.
F’erba’ snin, Gvern Laburista saħħaħ is-settur tal-farmaċewtika bħala parti mill-istrateġija li jipprovdi mediċini u servizzi mediċi tal-ogħla kwalità lill-pazjenti, u biex isaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta ma’ msieħba barranin. Il-fiduċja li l-investitur barrani qed juri fl-industrija ta’ pajjiżna hija turija ta’ strateġija ambizzjuża li qed tħalli l-frott billi ġġib investiment dirett barrani bla preċedent. Dan anke hekk kif l-industrija tal-farmaċija hija waħda mill-iktar kompetittivi, li kontinwament qed tikber u tinbidel.
“Iżda dan ma jfissirx li wasalna. Il-Gvern qed jibqa’ jinsisti biex is-settur farmaċewtiku jkompli jaħdem id f’id mal-edukazzjoni, mal-qasam tas-saħħa u kull parti interessata li timbotta lis-settur iktar ’il quddiem. B’hekk nassiguraw il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-pazjent,” isostni Deo Debattista.