Illum jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Gvern wara li ġew ikkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ornis kif ukoll il-parametri legali u ta’ konservazzjoni. Din is-sena l-istaġun jagħlaq is-Sibt 21 ta’ April, filwaqt li l-ħin permessibbli għall-kaċċa jibda minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar.
Il-kwota nazzjonali għall-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ din is-sena hi ta’ 5,000 summiena filwaqt li l-kwota li persuna liċenzjata tista’ taqbad hi ta’ ħames summiniet f’ġurnata u 10 summiniet tul l-istaġun. Kull kaċċatur li jingħata Liċenzja Speċjali għall-Kaċċa fir-Rebbiegħa tal-2018 se jkun obbligat biex, hekk kif jaqbad summiena, iċempel immedjatament fuq in-numru 77070009, kif indikat fil-liċenzja u jsegwi l-istruzzjonijiet li jingħataw waqt l-istess telefonata.
Intant m’hemmx kaċċa fuq il-gamiem għax il-moratorju li jipprojbixxi l-kaċċa fuq il-gamiema fir-rebbiegħa, kif ippubblikat permezz tan-Notifika tal-Gvern Nru 538 tal-2016, għadu fis-seħħ. Sparar fuq il-gamiema u kull speċi oħra apparti s-summiena hu strettament ipprojbit u kull min jinqabad jikser il-liġi jkun suġġett għal proċeduri kriminali u għal multi għolja. L-istaġun limitat tal-kaċċa fir-rebbiegħa għas-summiena se jkun suġġett għal infurzar strett inklużi spot checks. Kwalunkwe ksur tal-liġi, tar-regoli u ta’ kundizzjonijiet oħrajn applikabbli mhux se jiġu tollerati.
Wara li l-Gvern ħabbar id-dati tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għas-summiena, il-Gvern iddikjara li mhux ser jippermetti li jsiru abbużi waqt l-istaġun hekk kif stabbilit u għaldaqstant talab lill entitajiet rispettivi sabiex issir aktar ħidma mill-att ta’ edukazzjoni u infurzar.
Kemm il-Ministru għall-Ambjent, Jose Herrera, kif ukoll is-Segretarju Parlamentari, fi ħdan l-istess Ministeru, Clint Camilleri, appellaw sabiex min vera għandu għal qalbu d-delizzju, għandu jimxi mar-regoli hekk kif ikkomunikati u skont il-parametri tal-liġijiet rispettivi, dan sabiex il-kaċċa f’dan l-istaġun tkun tirrispetta s-sostenibilità u l-konservazzjoni tal-għasafar.