Ittripla n-numru ta’ pazjenti morda bil-kanċer li ta’ kull xahar qegħdin isiefru lejn l-Ingilterra sabiex jieħdu il-kura fl-isptarijiet f’Londra. Dawn il-pazjenti qed jingħataw l-għajnuna mill-fondazzjoni Puttinu Cares li prezentament qed toffri kenn lill-familji fil-25 appartament illi għandha f’Sutton ġewwa Royal Marsden.
Puttinu Cares twaqqaf fl-2008 fejn għall-bidu kien qed jassisti tfal morda bil-kanċer; madanakollu, tul is-snin, l-għajnuna nfirxet ukoll fuq l-adulti. Fejn qabel ta’ kull xahar kienu jsiefru 30 pazjent, illum il-ġurnata dan in-numru laħaq mad-90 ruħ. Sabiex tlaħħaq mad-domanda li hemm, Puttinu Cares qiegħda tiġbor id-donazzjonijiet mingħand il-pubbliku bil-għan li fil-futur qrib, din il-fondazzjoni jkollha mal-40 appartament fiċ-ċentru ta’ Londra. Sabiex jinxtara l-bini biss, mingħajr tagħmir u manutenzjonijiet, l-ispiża tlaħħaq mal-15-il miljun lira sterlina. Tkellimna mal-viċi Chairman tal-Puttinu Cares Angele Cuschieri fejn saħqet li dan il-proġett huwa mmirat sabiex jilħaq lin-nies- li tul dawn iż-żmienijiet diffiċli, ikollhom iħallu art twelidhom u jmorru għall-kura barra minn Malta:
Angele spjegat kif “Puttinu Cares bħalissa qed jgħin bejn 60 u 90 pazjent li qed jingħataw il-kura fl-Ingilterra kull xahar u għalhekk ġejna bżonn dawn l-appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra għax hemm 30 sptar li qed imorru tfal u adulti. Sibna li għandna bżonn bejn 30 u 40 appartament u nkunu nistgħu ngħinu lil dawn in-nies li qed jitilgħu l-Ingilterra.”
ONE NEWS iltaqa’ ma’ Isabella, omm ta’ żagħżugħ bl-isem ta’ Karl li malli ggradwa mill-Istitut tal-Istudji Turistiċi, kellu tumur f’rasu. Għaldaqstant, mill-2010 sal-lum, din l-omm spjegatilna li telgħet l-Ingilterra għal 140 darba fejn saħansitra ġieli damet 9 xhur sabiex tkun ta’ appoġġ għal binha.
Isabella spjegat kif “Is-serħan tal-moħħ hija li jtuk iċ-ċavetta u jtuk l-appartament. Diga’ serraħt moħħok li għandek fejn toqgħod. Ma tistax tesperjenza xi ħaġa aħjar minn hekk. Puttinu qatt ma jgħidu le. Kull meta jkollok bżonn se jgħinuk. Ixxurtjati li hemm Puttinu għax ħafna nies li esperjenzaw din qabel, kieku jkollok tbigħ dak li jkollok.”
Fl-okkazjoni tal-ġimgħa mqaddsa, Puttinu Cares ser tkun qed tiġbor il-fondi sabiex fil-futur qrib tkun tista’ tghin mijiet ta’ persuni li jkunu qegħdin jgħixu r-realta’ ta’ mard fil-familja.