Fl-2017, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra surplus ta’ €183 miljun. Dan huwa l-akbar surplus li qatt ġie osservat fl-istorja ta’ pajjiżna, u jsegwi s-surplus ta’ €9 miljuni li kien osservat fl-2016, li kien l-ewwel surplus fil-Fond Konsolidat f’35 sena.
Din hija l-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna li sena li fiha kien hemm elezzjoni ġenerali kien hemm fiha titjib fil-finanzi tal-gvern. Fil-fatt, fl-2012 pajjiżna kien irreġistra defiċit ta’ €362 miljun, żieda mid-defiċit ta’ €219 miljun sena qabel. L-istess fl-2008 meta d-defiċit kien tela’għal €233 miljun minn €109 miljun sena qabel. Fil-fatt, pajjiżna kien dejjem jispiċċa jiddaħħal mill-Kummisjoni Ewropea fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv kull sena wara elezzjoni. Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li seħħ fl-2017, meta minkejja elezzjoni ġenerali, il-finanzi ta’ pajjiżna spiċċaw bl-akbar surplus fl-istorja.Ikkumparat mal-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern, il-qagħda tal-Fond Konsolidat tjiebet bi kważi €550 miljun, jew aktar minn nofs biljun ewro. Dan jirrifletti ż-żidiet qawwija fid-dħul tal-gvern, frott ekonomija dejjem tikber. Fil-fatt, minkejja li fil-leġiżlatura li għaddiet f’kull budgetkien hemm tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul, id-dħul tal-gvern minn din it-taxxa llum huwa €632 miljun aktar milli kien fl-2012. Dan juri kemm tjieb id-dħul tal-ħaddiema u tan-negozji f’pajjiżna.
Il-galbu fit-tmexxija tal-finanzi pubbliċi wassal biex id-dejn tal-Gvern Ċentrali fi tmiem l-2017 kien €103 miljun anqas milli kien sena qabel. Dan huwa l-ewwel tnaqqis fid-dejn fl-aħħar snin, u jikkuntrasta maż-żieda ta’ €340 miljun li kien hemm fl-2012. B’riżultat ta’ dan—mentri f’leġiżlaturi preċedenti l-ispiża fuq imgħaxijiet kienet fost l-ispejjeż li l-aktar kienu jiżdiedu—is-sena li għaddiet din l-ispiża naqset.
Ta’ min jinnota li t-titjib fis-surplus bejn l-2016 u l-2017 u t-tnaqqis fid-dejn seħħ minkejja li l-gvern żied l-ispiża kapitali b’€40 miljun, l-ispiża rikorrenti fuq is-saħħa b’€49 miljun, u dik fuq l-edukazzjoni b’€33 miljun. Barra minn hekk, l-ispiża fuq benefiċċji soċjali, minħabba titjib fir-rati tal-pensjonijiet u benefiċċji oħra, żdiedet b’€76 miljun.
L-istatistika ppubblikata llum hija l-aqwa konferma tas-serjetà li bih tmexxa pajjiżna fis-snin li għaddew. Anke f’sena ta’ elezzjoni, it-tmexxija ekonomika u finanzjarja kompliet għaddejja b’serjetà, tant li nkisbu l-aqwa riżultati fl-istorja ta’ pajjiżna. Dan ifisser li l-legat tal-2017 għall-ewwel darba huwa anqas dejn għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan il-gvern ser ikompli jibni fuq dawn ir-riżultati u jkompli b’politika li tibni futur aħjar għall-familji u n-negozji ta’ pajjiżna.