Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis attenda għall-34 Laqgħa tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu. Waqt din il-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari qal li din is-sena f’pajjiżna qed niċċelebraw il-25 anniversarju mit-twaqqif tal-gvern lokali.
Parnis tenna li minbarra li se jiġu organizzati bosta avvenimenti biex jikkommemoraw dan it-twaqqif, is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet, taħt ir-responsabbiltà tiegħu qed jagħmel riforma ambizzjuża li għandha ssaħħaħ ir-rwol tal-gvern lokali, tintroduċi aktar miżuri biex tiġi aċċertata l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadin fil-gvern lokali, u tassisti lill-gvern lokali fir-rigward ta’ kapaċità amministrattiva u riżorsi oħra.
Is-Segretarju Parlamentari stqarr ukoll li minkejja li aħna stat żgħir, xorta determinati li nibqgħu nibnu fuq is-suċċessi tagħna, kif ukoll li intejbu fejn hemm bżonn. Huwa qal ukoll li l-Gvern Malti jqis il-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali bħala trattat importanti li jiggarantixxi l-istandards u l-garanziji meħtieġa biex tiġi mħarsa d-demokrazija lokali.
Is-Segretarju Parlamentari għalaq id-diskors tiegħu billi stqarr li bħala stat membru għal żmien twil tal-Kunsill tal-Ewropa, Malta hija kommessa li tkompli taħdem biex issaħħaħ il-gvern lokali billi tagħtih ir-riżorsi u l-kapaċità meħtieġa li jippermettu lill-awtoritajiet lokali jwasslu l-aħjar servizzi liċ-ċittadini lokali.