L-eżerċizzju ta’ emerġenza tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jitwettaq biex ikun ivverifikat il-livell ta’ preparazzjoni tal-partijiet interessati ewlenin li jiġu mmobilizzati f’każ ta’ aċċident fl-ajruport.
Permezz ta’ dan l-eżerċizzju fuq skala kbira, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jkun qed jivverifika l-adegwatezza tal-Pjan ta’ Rispons għal Emerġenza tal-Ajruport (AERP) li ġie emendat dan l-aħħar, f’konformità mal-obbligi regolatorji tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA). Dan l-eżerċizzju se jservi wkoll biex tiġi ddeterminata l-effettività tas-sistema ta’ kmand u kontroll tal-MIA għall-ġestjoni ta’ inċidenti u biex tittestja s-sistemi ta’ komunikazzjoni u tar-riżorsi ta’ emerġenza fis-seħħ.
Ix-xenarju tal-aċċident simulat se jinvolvi ajruplan B737-800 tal-Medina Air hu u jivvjaġġa minn Ġenova b’74 passiġġier u 6 membri tal-ekwipaġġ abbord. Waqt it-titjira fuq Sqallija, l-ekwipaġġ jirrapporta problemi idrawliċi kbar lill-Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru li jwassal biex tiġi ddikjarata emerġenza u jingħata bidu għall-Pjan ta’ Rispons ta’ Emerġenza. Hard landing fl-MIA jwassal biex ir-roti jċedu, bl-ajruplan joħroġ mir-runway u eventwalment jispiċċa fit-Taxiway Lima b’għadd ta’ passiġġieri jindarbu b’mod gravi, filwaqt li numru ta’ mwiet jiġu rrapportat.
Wara d-dikjarazzjoni ta’ aċċident ta’ inġenju tal-ajru, l-entitajiet involuti jiġu msejħa fuq il-post biex, fost oħrajn, jagħlqu l-perimetru fejn seħħ l-aċċident, jibdew il-proċeduri ta’ salvataġġ u tifi tan-nar, jidentifikaw żona fejn ikunu jistgħu jinġabru passiġġieri u membri tal-ekwipaġġ midruba u mhumiex, u jistabbilixxu żona ta’ dekontaminazzjoni.
Dan l-eżerċizzju qed jiġi organizzat mit-tim tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’kollaborazzjoni ma’ għadd ta’ partijiet interessati ewlenin, fosthom il-Forzi Armati ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, l-Isptar Mater Dei, il-Pulizija ta’ Malta u r-rappreżentanti tal-linji tal-ajru. Barra minn hekk, grupp ta’ atturi u voluntiera se jipparteċipaw f’dan l-eżerċizzju fl-irwol ta’ passiġġieri midruba biex il-persuni li se jkunu qegħdin jagħtu l-ewwel assistenza jkunu jistgħu jipprattikaw proċeduri importanti bħat-triage, trattament u trasport.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jwettaq eżerċizzji ta’ emerġenza fuq livelli differenti fuq bażi regolari bl-għan li jkompli jtejjeb il-Pjan ta’ Rispons għal Emerġenza tal-Ajruport u l-mezzi ta’ rispons.