Il-Kunsill Malti għall-Arti ħabbar ir-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-Premju għall-Arti, il-premijiet nazzjonali tal-arti li jiċċelebraw il-kisbiet fis-setturi kulturali u kreattivi.
Il-Premju jirrikonoxxi l-eċċellenza fix-xogħol artistiku li ġie mniedi matul is-sena ta’ qabel u huwa uniku fl-attenzjoni tiegħu fuq il-kultura u l-arti.
“Dan il-Premju huwa mod ieħor kif nirrikonoxxu u nħeġġu l-eċċellenza u l-kwalità fl-arti, kif ukoll qegħdin insaħħu l-profil tal-artist u ngħinu biex dan is-settur ikompli jimraħ,” qal il-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici waqt is-Serata tal-Premjazzjoni, li saret it-Teatru Manoel ilbieraħ filgħaxija.
Ir-rebbieħa mifruxa fuq 11-il kategorija kienu jinkludu lil Prof Oliver Friggieri li rċieva l-Unur għall-Karriera Artistika filwaqt li Francis Sultana ingħata l-Premju għall-Ambaxxatur għall-Arti. Il-Premju tal-Għażla tal-Pubbliku, li ġie vvutat minn membri tal-pubbliku, mar lill-MADC għall-produzzjoni tagħhom ta’ The Prime of Miss Jean Brodie. L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, li kisbet l-ogħla numru ta’ nominazzjonijiet, ħadet il-Premju għall-Aqwa Produzzjoni għal Simfonija Numru 9 ta’ Ludwig van Beethoven, Jum l-Ewropa.
Kategoriji oħra kienu l-Aqwa Proġett fil-Komunità, l-Aqwa Kisbiet Internazzjonali, l-Artist Żagħżugħ/a tas-Sena u l-Aqwa Intrapriża Kreattiva. Il-kategoriji ntgħażlu skont il-prijoritajiet strateġiċi tal-Kunsill Malti għall-Arti kif spjegat fl-Istrateġija2020 tal-Kunsill, il-pjan ta’ ħames snin tiegħu għall- setturi kreattivi.
Ir-rebbieħa intgħażlu minn ġurija ta’ esperti settorjali u rappreżentanti tal-Kunsill Malti għall-Arti minn fost in-nominazzjonijiet ippreżentati permezz ta’ sejħa miftuħa.
Il-Premju jkopri proġetti, produzzjonijiet jew attivitajiet fis-setturi kulturali u kreattivi li tnedew jew ġew ippreżentati bejn l-1 ta’ Settembru 2016 u l-31 ta’ Awwissu 2017.
Ir-rebbieħa rċevew premju prestiġġjuż, skultura tal-ħġieġ u ċ-ċeramika, mill-artist Malti Kane Cali.
Intwera wkoll vidjo biex jagħti ġieħ lil Maestro Joseph Vella li miet riċentament.
Iċ-chair eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li dan il-premju għandu jsir appuntament annwali u jservi bħala punt ta’ ispirazzjoni.
Il-Premju għall-Arti huwa inizjattiva tal-Kunsill Malti għall-Arti permezz tal-Fond Nazzjonali għall-Eċċellenza Artistika fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Il-lista sħiħa tar-rebbieħa hija din:
L-aqwa proġett fil-komunità
Aħdar id-Deżert
Opening Doors Association
L-Aqwa Kisbiet Internazzjonali
Il-performance internazzjonali ta’ Charlene Farrugia
Charlene Farrugia
L-Aqwa Xogħol għal Tfal u Żgħażagħ
Fanfare Family Concert
L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta
L-Aqwa Programm jew Staġun Artistiku
ŻiguŻajg Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ 2016
Fondazzjoni Kreattività
L-Aqwa Intrapriża Kreattiva
Anvil Game Studios
L-Artist Żagħżugħ/a tas-Sena
Matthew Schembri
L-Artist/a tas-Sena
Moveo Dance Company (Dorian Mallia, Diane Portelli)
L-Aqwa Produzzjoni
Sinfonija Numru 9 ta’ Ludwig van Beethoven – Kunċert għal Jum l-Ewropa
L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta
L-Għażla tal-Pubbliku
The Prime of Miss Jean Brodie
MADC
Ambaxxatur għall-Arti
Francis Sultana
Unur għall-Karriera Artistika
Prof Oliver Friggieri