F’Katalunja, numru ta’ dimostranti kienu involuti fi ġlied mal-forzi Spanjoli wara li l-Qorti suprema ordnat li ħamsa u għoxrin mexxej Katalan għandhom jgħaddu ġuri mixlija li ppruvaw joħolqu ribelljoni kontra l-istat Spanjol.
Kemm il-darba dawn il-mexxejja jinstabu ħatja, uħud minnhom jistgħu jeħlu sa tletin sena ħabs.
Madwar għoxrin persuna ndarbu wara l-pulizija kellha tuża l-lembubi biex tferrex il-folol li nġabru biex jopponu d-deċiżjoni tal-Qorti.
Fil-kapitali Madrid, il-Qorti ddeċidiet wkoll li ħames mexxejja Katalani oħra jinżammu taħt arrest preventiv.
Fost dawk miżmuma kien hemm Jordi Turull li kien maħsub li se jinħatar President tar-reġjun ta’ Katalunja, mill-parlament reġjonali.
Uħud mid-dimostranti f’Barċellona fost l-oħrajn dehru jaħarqu ritratti tar-Re Spanjol Felipe VI.
L-inkwiet f’Katalunja ilu ġej mir-referendum li sar biex dan ir-reġjun jikseb l-indipendenza, bil-Gvern ċentrali f’Madrid impona tmexxija diretta fuq dan ir-reġjun li bosta li jgħixu fih riedu jinfirdu minn Spanja u xtaqu l-indipendenza.