Għalkemm tkun taf li l-mewt qiegħda wara l-bieb, l-omm qatt ma tista’ taċċetta li tidfen lil binha.
Din hija r-realtà kiefra li għexet Grace Desira fl-aħħar xhur. Omm li ma beżgħetx itterraq wara binha fit-tbatija.
Għaliha u għal familtha, Jum id-Duluri jimmarka l-mument meta ħajjithom inbidlet mil-lejl għan-nhar.B’qalb minfuda b’sejf in-niket wara t-telfa ta’ binha f’qasir il-għomor il-ġimgħa li għaddiet, Grace tispjega kif kollox beda bi tbenġila fuq ġisem binha Dustin, li mar mill-ewwel għand it-tabib u ħa t-testijiet tad-demm.
Grace qalet li “Qallu jekk jgħaddu tlett ijiem ma nkelmekx sinjal li m’hemm xejn imma fil-ġurnata tad-Duluri ċempillu fuq ix-xogħol f’xit-tlieta qallu kif tispiċċa mix-xogħol ejja għax hemm bżonn inkelmek naqra. Morna l-outpatients, u mill-outpatients bqajna nkaxkru sena sa ma miet.”
Għal Grace, Dulur kien kull mument li rat lil binha jbati u ma setgħet tagħmillu xejn biex tfejqu, meta fl-aħħar sena spiċċa priġunier f’ġismu stess.
Sostniet li “Kemm fiha problemi l-ħajja? L-agħar meta tieħu aħbar ta’ mard. Ix-xokk li ħa tieħu tinbidel ħajtek u lanqas tkun taf kif qed tgħix għax xokk.”
Ommu Grace qalet li qatt ma stenniet li binha seta’ jħalli din id-dinja daqshekk malajr, u wisq anqas hu, hekk kif sal-aħħar nifs ta’ ħajtu baqa’ determinat li jkompli b’ħajtu.
Spjegat li “Qiegħed ġos-sodda l-Ingilterra u xorta applika biex imur jagħmel kors l-Universita tant kemm kien deċiż li miskin se jgħaddilu. Kont inkompli miegħu għal kull ma kien jgħid. Jiena naf li ma kienx daqshekk tajjeb li se jasal imma ħallas u ħallejtu jagħmilha.”
Dustin ħalla din id-dinja fl-età ta’ wieħed u tletin sena fit-tlettax ta’ Marzu, u fost dawk li ħalla warajh hemm martu Maria u ibnu ċ-ċkejken Jack ta’ sentejn.
Huwa ħa l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu f’appartament ta’ Puttinu f’Londra mdawwar b’dawk l-aktar qrib tiegħu.
Grace “Għalkemm inti tkun qed tistenna l-mewt, l-omm qatt mhu ħa taċċetta li tidfen lil binha. Dik hija d-Duluri. Id-Duluri meta għandek lil ibnek hekk trid iġġorr piena bħal dik.”
Għalkemm hi u familtha għaddejjin minn mumenti ta’ sofferenzi u mrar, Grace stqarret li omm qatt ma tista’ tinsa lil binha, u żgur li se jibqa’ jgħix fiċ-ċkejken Jack.
Biex l-istorja ta’ grace turi li kulħadd għandu salib x’jerfa’; u li r-relikwa tal-Kalvarju qiegħda f’kull wieħed u waħda minna.