Erba’ ħaddiema nqatlu u tmienja sfaw midruba wara li ġġarraf sit ta’ kostruzzjoni ta’ ferrovija ta’ taħt l-art fil-Korea t’Isfel.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-7.30a.m. waqt li l-vittmi kienu qegħdin jagħmlu xogħol ta’ iwweldjar madwar 15-il metru taħt l-art meta seħħet splużjoni li aktarx kienet ikkawżata minn tank tal-ossiġnu. Xhieda qalu li l-isplużjoni tant kienet qawwija li regħdet il-binjiet fil-viċin.
Il-maġġoranza tal-ħaddiema sofrew minn ħruq estensiv filwaqt li l-ammont ta’ persuni mejta mistenni jiżdied hekk kif ħafna jinsabu f’qagħda kritika.
Din il-ferrovija taħt l-art kienet mistennija tibda taħdem fl-2020.