Hora Christi – Wirja ta’ Vari tal-Ġimgħa Mqaddsa li ilha tiġi organizzata mill-2013, mill-aħwa Edmond u Adrian Sciberras, qed terġa’ tittella’ fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera.
Din il-wirja tikkonsisti f’żewġ settijiet ta’ statwi. Wieħed hekk imsejjaħ tradizzjonali li fieh insibu 8 statwi maħduma fil-kartapesta mill-artist Renzo Gauci, kif ukoll monument (sodda ta’ Kristu mejjet) skulturat fl-injam mill-iskultur Edmond Sciberras. Dan is-sett huwa wkoll komplut bil-bradelli, brazzi u simboli skulturati fl-injam.
Is-sett l-ieħor huwa sett oriġinali maħdum fit-tafal mill-artist Johnny Massa. Dan is-sett huwa kompost minn 10 statwi li huma kemmxejn differenti minn tas-sett l-ieħor kemm minn numru ta’ stazzjonijiet li nsibu fieh u kif ukoll mill-movimenti tal-personaġġi.
Dawn iz-zewġ settijiet huma wkoll kompluti bil-bandalori tal-aħħar 7 Kelmiet ta’ Kristu kif ukoll xogħol ieħor ta’ rakkmu u skultura. Barra minn hekk f’din il-wirja wieħed għandu jsib diversi oġġetti marbutin ma’ dan iż-żmien fosthom sezzjoni gdida ddedikata lil Ġesu Nazzarenu.
Id-dati u l-ħinijiet tal-ftuh tal-wirja huma kif indikat fil-poster.