Somalu inżamm arrestat fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin wara li tressaq il-Qorti akkużat li fis-siegħat bikrin tal-Ħamis filgħodu għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs, seraq telefon ċellulari, flus kontanti kif ukoll dokumenti uffiċjali ta’ Abdqadadir Mahammud Cawali fi Triq Santu Wistin f’Paceville.
Viżibilment miksi bid-demm fuq il-ġakketta li kien liebes kif ukoll fuq wiċċu Mohammed Hassan Abdullahi wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Fil-Qorti d-difiża qalet li l-imputat huwa l-vittma ta’ dan il-każ dan hekk kif l-imputat qed jisħaq li kien hu li ra lil xi persuni jisirqu telefon ċellulari mingħand individwu li li huwa jaf eżattament fejn qiegħed moħbi.
Mohammed Hassan Abdullahi ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu minn każ ieħor separat; liema kundizzjonijiet kienu jinkludu li jkun id-dar bejn il-ħdax ta’ bil-lejl u l-ħamsa ta’ filgħodu.
Minkejja li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ċaħdet din it-talba u saħqet li l-istess imputat m’huwiex affidabbli dan hekk kif jidher biċ-ċar li peress li nstab barra fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu huwa wera li m’osservax l-ordnijiet imposti fuqu mill-Qorti u għalhekk inżamm arrestat.