Vincent Xuereb ta’ tmienja u tletin sena u Noel Vella ta’ wieħed u tletin sena, it-tnejn mir-Rabat Għawdex ġew ikkundannati tmintax-il xahar ħabs sospiżi għal stenjn u multa ta’ ftit anqas minn tliet mija u tmienja u erbgħin elf ewro wara li nstabu ħatja li pprovaw idaħħlu f’Malta kważi erba’ mitt elf sigarett tal-kutrabandu u li fuqhom kellha titħallas taxxa ta’ kważi wieħed u sebgħin elf ewro.
Il-każ beda jiġi investigat mill-pulizija fis-17 ta’ Frar ta’ ħames snin ilu wara tfittxija li saret mill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta fuq il-bastiment bl-isem Sea Lioness, li kien qed ibaħħar ħmistax-il mil nawtiku ‘l barra miċ-Ċirkewwa.
Iż-żewġt irġiel li fil-qorti qalu li kienu qieghdin jesploraw il-baħar biex isibu post tajjeb ghas-sajd, ġew mixlija li bil-kompliċità ta’ xulxin ipprovaw jimportaw f’Malta eluf ta’ sigaretti bla dazju li l-valur tagħhom kien ta’ aktar minn ħdax-il elf u tlett mitt ewro.
Fil-qorti l-l-Logutent Kurunell Andrew Mallia xehed li waqt ronda li kien qed jaghmel ajruplan tal-Forzi Armati ta’ Malta, l-ekwipaġġ innota lanċa MV Golden Dawn li kienet diġa magħrufa mal-awtoritajiet għall-attivitajiet illeciti fuq il-bahar. Qal li din dehret tigi avvicinata minn lanca li kienu fuqha ż-żewġ imputati.
Filmat li ttieħed mill-ekwipaġġ tal-ajruplan tal-FAM, wera li minn fuq il-lanċa l-kbira ġew ittrasferiti numru kbir ta’ kaxxi tas-sigaretti għal fuq il-lanċa ż-żgħira fejn Xuereb u Vella dehru jistivawhom fl-istiva tal-lanċa.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Joseph Mifsud qal li dan hu każ serju li jittratta l-kutrabandu ta’ sigaretti. Waqt li faħħar il-ħidma tad-Dwana, qal dan l-abbuz jolqot lis-socjetà kollha għax id-dazju u taxxi li ma jitħallsu jfissru anqas riħorsi għall-oqsma bħal qasam tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-ħarsien soċjali.