Il-President tal-Myanmar, Htin Kyaw, irriżenja mill-kariga.
Għalkemm ma ngħatatx raġuni uffiċjali għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni, Kyaw huwa maħsub li rriżenja minħabba raġunijiet ta’ saħħa, hekk kif fl-aħħar xhur il-President ta’ wieħed u sebgħin sena kien qed jidher għajjien u bla saħħa f’bosta ċerimonji uffiċjali fil-pajjiż.
Htin Kyaw inħatar President tal-Myanmar fl-elezzjonijiet tal-2016; li kienu temmew sekli ta’ tmexxija militari.
Il-Viċi President, Myint Swe, se jieħu f’idejh it-tmun tal-pajjiż sakemm jiġi elett President ġdid fi żmien sebat ijiem.